L-Emirates, l-ikbar linja tal-ajru fid-dinja, qed tfittex persuni sabiex jingħaqdu mat-tim tagħha tal-ekwipaġġ magħmul minn persuni mid-dinja kollha. Il-linja tal-ajru bbażata f’Dubaj se tkun qed torganizza avveniment ta’ reklutaġġ nhar it-Tnejn 27 ta’ Marzu fil-lukanda Hilton Malta f’Portomaso, San Ġiljan. Dan huwa t-tieni avveniment ta’ reklutaġġ din is-sena.
Il-linja tal-ajru tipprovdi programmi ta’ taħriġ eċċellenti u opportunitajiet ta’ karrieri. In-netwerk tal-Emirates toffri wkoll lill-impjegati tagħha diversi opportunitajiet ta’ vjaġġar madwar sitt kontinenti. L-impjegati tal-Emirates jirċievu skontijiet attraenti u benefiċċji għall-ivjaġġar kemm għalihom kif ukoll għall- membri tal-familji tagħhom u ħbieb, għad-destinazzjonjiiet kollha fejn ittir l-Emirates.
Dawk interessati jistgħu jattendu l-avveniment b’curriculum vitae (CV) aġġornat bl-Ingliż, flimkien ma’ ritratt riċenti. Il-kandidati huma mħeġġa sabiex jirreġistraw minn qabel fuq is-sit https://www.emiratesgroupcareers.com/cabin-crew. Dawk li ma jkunux applikaw onlajn jistgħu japplikaw fil-lukanda Hilton dakinhar tal-avveniment.
Iżjed informazzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-proċess tal-għażla jistgħu jinstabu fuq is-sit www.emirates.com/careers. L-avveniment jibda fid-09:00, u l-kandidati għandhom jantiċipaw li jkunu hemmhekk tul il-ġurnata kollha.