60 sena ilu Tony Borg emigra lejn l-Awstralja wara vjaġġ bil-vapur li dam xahar. F’Malta, kien trabba fiż-żona tal-‘lazy corner’ tas-Sliema u dejjem kellu interess jagħmel il-pastizzi tant li kif wasal Melbourne, beda jagħmel il-pastizzi d-dar u jmur iħabbat il-bibien tad-djar tal-Maltin biex jipprova jbigħ xi ħaġa minnhom. Irnexxilu għaliex ftit snin wara fetaħ fabbrika żgħira tal-pastizz u ħanut magħruf bħala ‘Borg’s Cakes’. Waqt l-Aħwa fl-Awstralja, l-anzjan ta’ 85 sena jirrakkonta li d-domanda għall-pastizzi fl-Awstralja tant kibret li spiċċa kellu jaħdem magna li tagħmel 20,000 pastizz fis-siegħa u oħra li tagħmel 7,000 pastizz fis-siegħa. Dilettant tal-football u jżur Malta kull erba’ snin fi żmien it-Tazza tad-Dinja għax jistqarr li l-atmosfera f’Malta hi ferm aħjar mill-Awstralja!
F’Melbourne wkoll se niltaqgħu ma’ tliet familji żgħażagħ li kollha emigraw lejn l-Awstralja fl-aħħar 18-il sena. Adrian Buhagiar tant kien qed jimissja Malta li ried ikollu xi ħaġa li tfakkru l-ħin kollu f’art twelidu. Ftit snin ilu, waqt li hu u l-familja tiegħu żaru Malta, iddeċieda li jieħu l-ħorża tal-bir li kien hemm fil-ġnien ta’ missieru u jtellagħha ġebla ġebla biex jarmaha quddiem id-dar tiegħu f’Rockbank, subborg ta’ Melbourne.
Fl-Aħwa fl-Awstralja se niltaqgħu wkoll ma’ Mark Bonello li ispirat mill-kanzunetta ta’ Tony Gauci ‘l-Kampanjol’ iddeċieda li jibda jimporta prodotti Maltin u jkun attiv fl-għaqda tal-għana f’Melbourne. F’Sydney,niltaqgħu ma’ Francis u Sophie li emigraw l-Awstralja bejn 50 u 60 sena ilu u baqgħu iħobbu l-ħobż biż-żejt.