Il-Gvern ħabbar li ser jiġu eliminati anomaliji fl-għażla tal-kunjomijiet meta persuna tagħżel li tiżżewweġ.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet hekk kif ġie spjegat li dawn l-anomaliji waslu wara l-emendi tal-2017 minn Gvern Laburista għall-aktar ugwaljanza fiż-żwieġ.
Fil-fatt dawn l-emendi fil-kodiċi ċivili, li l-ġimgħa d-dieħla jidħlu fit-tieni qari tagħhom fil-Parlament, ser jagħtu diversi possibiltajiet fl-għażla tal-kunjomijiet.
Fosthom persuni miżżewġa ser ikunu jistgħu jaddottaw il-kunjom tas-sieħeb jew is-sieħba tagħhom, jżommu kunjomhom, iżommu kemm il-kunjom tagħhom u tal-konjugi tagħhom u jagħmluhom f’liema ordni li jridu.
F’każ li persuna li tkun divorzjata jew romlot jistgħu wkoll bl-emendi l-ġodda, iżommu l-kunjom tat-twelid tagħhom jew iżommu l-kunjom taż-żwieġ oriġinali, filwaqt li jżidu l-kunjom tal-konjugu tagħhom.
Intant dawk li għandhom kunjom doppju jistgħu jżommuh u jżidu l-kunjom tal-kunjogu tagħhom, f’liema ordni li jridu, madankollu ma jistgħux jaqsmu l-kunjom doppju oriġinali li kellhom fi tnejn.
Filwaqt li issa hemm aktar għażla wiesgħa ta’ kunjomijiet, il-ġenituri ser ikunu mitluba jiffissaw il-kunjom tal-familja.
Dwar dan tkellimna mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat hekk kif spjega li dawn l-emendi huma retroattivi madankollu li min irid ibiddel kunjomu jrid jagħmel dan fi żmien 5 snin.
Huwa stqarr: “Din il-liġi li qed nipproponu hija retroattiva u mingħajr il-bżonn li biex wieħed jibdel kunjomu jkollu jidħol il-Qorti jiġifieri aħna li qed nagħmlu li dan sempliċiment talba mad-Direttur ikun jista’ jibdel kunjomu fil-qasam tal-liġi li qed nippreżentaw.”
Ma’ dan l-istazzjon tkellmet ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar hekk kif spjegat li l-Gvern kompla jistudja s-sitwazzjoni anke wara l-bidliet kbar li għamel fl-2017.
Sostniet ukoll kif dawn l-emendi jinkludu wkoll l-għażla għall-ġenituri li ma jiddeterminawx is-sess tat-tarbija mat-twelid. B’hekk l-ulied ikunu jistgħu jiddeterminaw is-sess tagħhom aktar ‘il quddiem meta jikbru.
Hija qalet: “Permezz ta’ dawn l-emendi ħa jkollna iżjed ugwaljanza bejn ġenituri miżżewġa u ġenituri li mhumiex miżżewġa f’dik li hija l-għażla tal-kunjom ta’ wliedhom. Apparti minn hekk ħa jkollna terminoloġija newtrali fejn jidħol il-ġeneru. Ħaġa importanti li ngħid hija li l-ġenituri minn illum ‘il quddiem ser ikunu jistgħu jagħżlu jewkk jinkludux il-ġeneru ta’ wliedhom meta jitwieldu.”
B’kollox f’dan il-proċess ser ikun hemm 42 emenda.