Se jidħlu fis-seħħ emendi leġiżlattivi li jindirizzaw l-isifidi tas-settur tal-kostruzzjoni, filwaqt li jkomplu jgħollu l-istandards u jsaħħu l-protezzjoni ta‘ terzi u tal-ħaddiema.
Dan ġie mħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, Jesmond Muscat.
L-ewwel avviż legali se jittratta dawk is-siti li jkunu stand-alone, fejn mhux biss iridu jaderixxu ruħhom ma’ ċerti kundizzjonijiet ipprovduti mil-liġi, inkluż ħinijiet, hoarding, trab eċċessiv, storbju u ndafa, fost l-oħrajn, imma wkoll issa b’dawn l-emendi hemm l-obbligu ta’ assigurazzjoni.
B’hekk, bil-liġi emendata, kwalunkwe tip ta’ sit ta’ kostruzzjoni, irrelevanti jekk immissx ma’ proprjetà oħra jew le, se jkun assigurat.
It-tieni avviż legali se jsaħħaħ l-protezzjoni tal-ħaddiema, b’tali mod li se jkun stipulat bl-aktar mod ċar fil-liġi, li jekk ikun hemm min iħaddem, li għal xi raġuni jew oħra m’għandux fis-seħħ assigurazzjoni li tkopri lill-impjegati tiegħu f’każ ta’ korriment jew mewt, se jkunu qiegħed jinżamm responsabbli personalment.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni se jkun qed jintroduċi l-obbligazzjoni li kull sit ta’ kostruzzjoni jkun kopert minn assigurazzjoni li tipprovdi għal kwalunkwe ħsara li ssofri terza persuna. Dan ifisser li kull sit, irrelevanti jekk immissx ma’ proprjetà jew le, se jkun assigurat. Dan se jipprovdi serħan il-moħħ lil kull ċittadin.
Kull persuna jew kumpanija fil-qasam tal-kostruzzjoni, li għandha liċenzja, għandu jkollha polza t’assigurazzjoni li tkopri wkoll lill-impjegati waqt it-twettiq tal-attività ta’ kostruzzjoni.
Il-Ministru Attard spjega li dan il-Gvern se jindirizza l-isfidi tas-settur tal-kostruzzjoni permezz ta’ interventi leġiżlattivi li jkomplu jgħollu l-istandards u jsaħħu l-protezzjoni ta’ terzi u tal-ħaddiema. Hawn spjega li l-Gvern se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet kuraġġjużi biex jiġi assigurat li pajjiżna jibqa’ jkollu sistemi fis-seħħ, li huma effettivi u effiċjenti fil-ħarsien tal-partijiet kollha nvoluti.
Il-Ministru Attard sostna li b’dan it-tibdil fil-liġi, ġie estiż l-obbligu tal-assigurazzjoni anke fuq siti magħrufa bħala stand-alone, biex jiġi pprovdut serħan il-moħħ lil kull terza persuna li tista’ ssofri danni. Hawn fakkar li dan qiegħed issir fl-istess waqt li ġie msaħħaħ l-obbligu li jkun hemm Employers Liability Insurance.
“Dawn l-emendi għandhom l-iskop li jassiguraw li kull sit ta’ kostruzzjoni ikun kopert b’assigurazzjoni fil-konfront ta’ terzi, inkluż dawk is-siti li ma jmissu mal-ebda bini ieħor. Fl-istess waqt naraw ukoll li nsaħħu dik li hi kopertura tal-ħaddiema, il-ħaddiema li jkunu fuq is-sit fejn qed ngħidu li jekk employer ma jkollux fis-seħħ polza ta’ assigurazzjoni li tkopri lill-ħaddiema, se jkun qiegħed jinżamm responsabbli personalment.”