B’reazzjoni għal tħassib li wriet l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, dwar bejgħ ta’ prodotti li jistgħu jittieklu u jinkludu s-sustanza CC9, l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis, l-ARUC, tenniet li emendi, li pproponiet hi fil-liġi relatata u li bħalissa qed jiġu diskussi fil-Parlament, mistennija jagħtuha s-saħħa li tirregola wkoll ħwienet li qed jagħmlu dan b’mod abbużiv.
Nhar il-Ħamis, il-MAM qalet li prodotti magħmulin mill-kannabis li jiġu fil-forma ta’ ħelu, gallettini u kejkijiet, qed jinbiegħu lill-pubbliku b’mod illegali.
U, anke jekk immarkati mhux għall-konsum mill-bniedem, tenniet li kawża tagħhom xi persuni diġà ddaħħlu għall-kura fl-Isptar Mater Dei b’sintomi ta’ għejja kbira, remettar, problemi fil-vista u anke problemi fil-fwied.
Fi stqarrija, l-ARUC iċċarat li tali prodotti ma jitqassmux u ma jiġux ipprovduti minn assoċjazzjoni liċenzjati minnha, iżda dawn jipprovdu biss kannabis naturali, skont kif konċess fir-riforma tal-2021 u, fl-ebda ċirkostanza, ma jistgħu jqassmu sustanzi sintetiċi jew semi-sintetiċi.
Ingħad li l-prodotti inkwistjoni qed jinbiegħu minn entitajiet kummerċjali li jaqgħu lil hinn mill-kompitu legali attwali tal-ARUC, għalkemm qed tissorvelja b’mod attiv kull żvilupp u kkomunikat ma’ xjenzati forensiċi mid-Dipartiment tal-Kimika fl-Università biex tikseb għarfien aktar profond tas-sustanza u r-riskji.
Fi Frar li għadda, l-ARUC u l-Università wkoll iffirmaw ftehim li se jwassal għal kollaborazzjoni effettiva f’diversi oqsma, speċjalment fir-riċerka u l-ittestjar tal-kannabis.
Dwar l-emendi leġiżlattivi quddiem il-Parlament, l-ARUC qalet li dawn għandhom l-għan li jagħtuha l-kompetenza legali li tissorvelja, tirregola u tieħu azzjoni effettiva ta’ inforzar dwar dawn il-ħwienet kummerċjali ukoll, waqt li jrażżnu l-abbużi, jissalvagwardjaw is-saħħa pubblika u jiżguraw li l-prodotti kollha relatati mal-kannabis fis-suq jkunu konformi ma’ qafas regolatorju li għandu fiċ-ċentru tiegħu l-kunċett ta’ tnaqqis tal-ħsara.
L-ARUC qalet li tibqa’ impenjata li tissalvagwardja s-saħħa pubblika u tilqa’ d-djalogu kontinwu ma’ kull entità, inkluża l-komunità medika, biex jiġi żgurat approċċ responsabbli fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-kannabis f’Malta.