Il-Gvern ippreżenta emendi fil-liġi tal-whistleblower li biha anki dak li jgħin lil whistleblower jirrapporta nuqqasijiet, ikun protet.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis preżenta l-kunċett ta’ faċilitaturi, li jgħinu lill-whistleblower meta jinnutaw li qed jibża’ jitkellem meta jiġi espost għal ċerti informazzjoni.
Emendi oħra jirrigwardaw rapport lil waħda mill-awtoritajiet kompetenti, bħall-Kummissarju tat-Taxxi u l-Ombudsman fost oħrajn.
Id-Direttur tad-Direttorat għas-Sapport Strateġiku, Davida Flores spjegat kif ħarġet emenda anki dwar żvelar pubbliku fuq l-internet: “Bħalissa s-sit qiegħed hemmhekk biss biex jagħti tagħrif għal min hu involut jew interessat li jagħmel rapport. ’Il quddiem ħa nkunu qegħdin naħdmu biex is-sit ikun anka jista’ jilqa’ messaġġi u rapporti li jkunu qegħdin isiru jiġifieri minħabba d-Direttiva Ewropea fil-fatt anka tippermetti voice messaging illi permezz tiegħu jkun qed isir rapport dwar għemil ħażin se nkunu qegħdin naħdmu biex dan is-sit ikun anka jista’ jippermetti dawn it-tip ta’ rapporti jsiru.”
Il-Ministru Zammit Lewis ħeġġeġ lil kull minn jħoss li hemm il-bżonn jirrapporta, jagħmel dan: “Tajjeb illi ngħidu li Malta huwa wieħed mill-għaxar pajjiżi li għandu qafas ta’ whistleblower jiġifieri li jipproteġi ħaddiem li jirrapporta prattiċi ħżiena u abbużi fuq il-post tax-xogħol. Dan sar ftit xhur wara li tela’ l-Gvern Laburista fl-2013. X’qed nagħmlu issa? Hemm direttiva tal-2019, twessgħet il-ħarsien tal-whistleblower, emendajna l-liġi biex nagħtu iktar protezzjoni lill-ħaddiem.”
Ritratt: MFJG