L-Awtorità tal-Ippjanar ipproponiet emenda fir-Regolamenti Sanitarji biex tingħata soluzzjoni fejn jirriżulta li d-dimensjonijiet ta’ żvilupp mibni jiddevjaw b’mhux aktar minn 2 ċentimetri inqas mir-rekwiżiti minimi.
Bħalissa hemm regoli stretti rigward id-dimensjonijiet speċifiċi skont ir-Regolamenti dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Saħħa u Sanità) biex jiġu żgurati standards ta’ saħħa, sigurtà u użabilità. Madankollu, l-infurzar riġidu ta’ dawn id-dimensjonijiet kultant jirriżulta fi sfidi prattiċi matul u wara l-fażi tal-kostruzzjoni.
Din ir-regola ‘de minimis’ ta’ 2 ċentimetri qiegħda tiġi ssuġġerita wkoll fid-dawl tal-fatt li fil-prattika l-istruttura normalment taderixxi mad-dimensjonijiet minimi meħtieġa mill-avviż legali preżenti, filwaqt li l-finituri (bħal tikħil u oħrajn) għandhom tendenza li jiddevjaw b’madwar ċentimetru minn kull wiċċ tal-istruttura. Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll li hemm każijiet fejn appartament jinxtara shell form (li jkun konformi mar-regolamenti tal-avviż legali preżenti), biss wara wieħed jinduna li x-xogħlijiet ta’ finituri ġabu dak l-istess appartament mhux konformi mal-avviż legali bi ftit millimetri.
L-Awtorità tqis li d-devjazzjoni żgħira mid-dimensjonijiet minimi hija aċċettabbli u hija ġustifikabbli speċjalment meta jitqies li l-iżvilupp huwa diġà mibni, u devjazzjoni żgħira bħal din ma tnaqqasx l-integrità tal-liġijiet sanitarji. Dan il-marġini ta’ 2 ċentimetri huwa fil-limiti aċċettabbli biex jiġi żgurat li l-għanijiet primarji tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 552.22 jiġu sodisfatti, b’tali mod li s-saħħa u s-sigurtà tal-okkupanti ma jiġux affettwati ħażin.
L-emendi proposti għar-Regolamenti dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Saħħa u Sanità) jinsabu fuq il-website: www.pa.org.mt/consultation
L-Awtorità tal-Ippjanar tistieden lill-pubbliku biex jissottometti rappreżentazzjonijiet għall-emendi proposti.
Is-sottomissjonijiet għandhom jintbagħtu bl-email lil: sanita.amendment@pa.org.mt Is-sottomissjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Awtorità mhux aktar tard mid-9 ta’ Ottubru 2024.