Daħlu fis-seħħ emendi għar-Regolamenti dwar l-Installazzjonijiet Elettriċi u għar-Regolamenti dwar il-Konnessjoni u l-Provvista tal-Elettriku, wara konsultazzjoni pubblika estensiva, biex issa ġew aġġornati ħalli jindirizzaw żviluppi riċenti fis-settur tal-enerġija favur aktar sigurtà u effiċjenza għall-familji u għan-negozji f’Malta.
Fost il-bidliet ġiet faċilitata l-konnessjoni ta’ sistemi fotovoltajċi għall-maisonettes, li qegħdin fil-pjan terran, titjib fis-sigurtà tal-installazzjonijiet, installazzjoni aktar prattika ta’ Overvoltage Protection Relay, ċertifikazzjoni aktar ċara, servizz ġdid ta’ three-phase, kalkolu tad-domanda għall-karozzi elettriċi, konsultazzjoni mal-iżviluppaturi, kif ukoll kapaċità akbar għal sistemi fotovoltajiċi.
Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli stqarret kif dawn l-emendi huma pass kruċjali biex tiġġedded l-infrastruttura tal-enerġija ta’ Malta u titlaħħaq id-domanda dejjem tikber, b’soluzzjonijiet ta’ enerġija sostenibbli u affordabbli għal kulħadd.