Il-Parlament approva emenda fil-liġi sabiex jiġi assigurat li dak li nagħmlu bħala pajjiż fis-settur tal-gaming jiġi protett. Dan sar permezz tal-hekk imsejjaħ Abbozz ta’Liġi 55.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, qal lil ONE News li, fl-2017, il-Kummissjoni Ewropea qalet li s-settur tal-iGaming m’għadux ta’ prijorità għaliha u, għalhekk, id-dritt li wieħed jikkompeti u jaħdem bħala suq komuni ma baqax il-każ fis-settur tal-iGaming. Huwa qal li dan tefa’ sfida fuq il-ġuriżdizzjoni Maltija għax dan is-settur huwa ta’ ċerta importanza.
Qal “Kellna attakki minn pajjiżi kbar, fosthom il-Ġermanja u l-Awstrija, li attakkaw direttament lill-ġuriżdizzjoni tagħna sabiex jaraw li dak li għamilna aħna f’din l-industrija jagħmluh huma f’pajjiżhom. Aħna allura, minkejja li kellna dawn l-attakki, rajna li nipproteġu dak li għandna f’pajjiżna. Allura, sentenzi li jingħataw barra mill-pajjiż fuq kumpaniji li għandhom liċenzja Maltija li qed joperaw fi ħdan il-liġi Maltija ma jiġux rikonoxxuti u eżegwiti mill-qrati Maltin.”