Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem sabet lil Litwanja ħatja fuq iffrizar ta’ assi fuq ċittadini tagħha.
Dan meta fil-Qorti tal-Litwanja fl-elfejn wieħed u għoxrin, raġel ġie mċaħħad milli jieħu somma fissa fix-xahar minħabba l-bżonnijiet tiegħu, inkluż għall-kura tal-kanċer u biex iħallas għall-avukat, mingħajr ebda raġuni ta’ xejn.
Dan meta l-Qorti tal-Litwanja kienet anke ħadet deċiżjoni li tiffriza l-kontijiet tal-bank tal-akkużat, li kien jinkludi l-ammont ta’ tlett mija u ħamsin elf ewro u anki l-karozzi tiegħu.
Dwar dan il-każ, ONE News tkellem mad-Deputat Laburista, l-Avukat Edward Zammit Lewis, li tkellem dwar kif kien Gvern Laburista li ressaq emendi fil-Parlament dwar l-ordnijiet ta’ sekwestri, iffriżar u konfiska fil-liġijiet ta’ ħasil ta’ flus, servizzi u swieq finanzjarji.
“Dan il-każ ixejjen għal kollox dak li qal il-Partit Nazzjonalista, speċjalment mill-kelliem tiegħu Karol Aquilina. Ixejjinhom fit-tlett modi. Ixejjinhom minħabba li min hu investigat jew min hu akkużat, hu u l-familja tiegħu li ċertament, hu għandu preżunzjoni tal-innoċenza, però l-familjari tiegħu ċertament li m’għandhomx x’jaqsmu għandhom ħajja diċenti. Qed jgħid ukoll li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jekk inti għamilt ħażin għandek tirrispondi għalih u anki sakemm ikun hemm is-sentenza, ikun hemm ordni ta’ friżar għal dak l-ammont, mhux għall-ammont kollu.”
Edward Zammit Lewis – Deputat Laburista
Zammit Lewis tkellem dwar ir-realtajiet li jsibu quddiemhom in-nies, u kif din il-liġi ttejjeb ir-realtajiet tan-nies.
“Kellna realtajiet fejn persuna jirċievi ammont mill-wirt, li żgur ma rċivihx minn kriminalità, però dak jiġi ffriżat. Kellna diretturi ta’ kumpaniji li jkunu akkużati huma, però ċertament il-ħaddiema għandhom jirċievu l-pagi u dawn huma r-realtajiet tal-familji li aħna qed inwieġbu. Din is-sentenza qaltilna kemm għandkom raġun, sentenza tal-Qorti ta’ Strasburgu dwar id-drittijiet fundamentali tal-bniedem li tat raġun lil Robert Abela li jressaq dan l-abbozz u li jgħaddi kemm jista’ jkun malajr mill-istadju ta’ kumitat se nkunu qed nikkwotaw dan il-każ biex ngħidu kemm il-Gvern kellu raġun.”
Edward Zammit Lewis – Deputat Laburista
Dawn l-emendi fil-liġi għaddew mit-Tieni Qari fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda, b’dan issa jinsab fi stadju ta’ kumitat.