L-Erbgħa l-Parlament approva emendi fil-liġi elettorali li f’ċirkostanzi ta’ elezzjoni ġenerali fi żmien ta’ pandemija se tkun qed tħalli persuni li jkunu fi kwarantina jivvutaw permezz ta’ sistema drive-through.
Dwar dawn l-emendi fil-liġi u li sabu l-approvazzjoni taż-żewġ partiti, ONE News stħarreġ dan mal-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt hekk kif semma l-punti tekniċi ta’ dawn l-emendi.
Qal, “It-tibdil l-ieħor jinvolvi dawk il-persuni li qegħdin fi kwarantina u dawk il-persuni li ħa jkunu pożittivi biex niffaċilitaw il-votazzjoni tagħhom. Ħa jkun hemm polling stations apposta li se jkunu speċi ta’ drive-through fejn persuna tmur bid-dokument tal-vot hemmhekk permezz tal-karozza u tkun tista’ tivvota.”
Gatt spjega wkoll li tibdil fil-liġi ieħor se jippermetti lill-Pulizija jivvutaw kmieni biex dakinhar tal-elezzjoni jkun assigurat numru biżżejjed ta’ uffiċjali biex tinżamm l-ordni fil-pajjiż.
Spjega, “L-ewwel bidla li kien hemm hija li l-Forzi tal-Ordni, dawk tal-Pulizija, se jkunu qed jivvutaw it-Tlieta ta’ qabel l-elezzjoni sabiex ovvjament ikunu okkupati sew fil-ġurnata tal-elezzjoni u għaldaqstant għall-Korp inniffsu se tkun qed tiffaċilita.”
Din il-liġi tinkludi wkoll direzzjonijiet oħrajn bħal dik li l-arja kkundizzjonata tkun mixgħula fiċ-ċentri tal-votazzjoni u l-aġenti tal-partiti politiċi jkunu mlaqqmin bil-vaċċin tal-Covid-19.
Intant ONE News tkellem ukoll mal-Ministru li ressaq din il-liġi li għaddiet mill-Parlament f’seduta waħda.
Il-Ministru Michael Falzon tenna l-prinċipju tal-Partit Laburista li jissalvagwardja d-dritt tal-vot f’kull ċirkostanza bħalma għamel anke fil-passat.
Qal, “Hawnhekk qed nagħmlu prinċipju li dejjem emminna fih bħala Partit li nwessgħu kemm jista’ jkun u nassiguraw li kulħadd ikollu d-dritt jivvota. Għamilniha fil-passat – tajna vot lin-nisa, votanti ta’ 18-il sena, votanti ta’ 16-il sena u hawnhekk biċ-ċirkustanzi tal-pandemija qed naraw kif ħa niffaċilitaw kemm jista’ jkun il-votazzjoni. Il-vot huwa dritt u huwa dmir ta’ kulħadd u ovvjament aħna qegħdin hemm biex inħarsuh.”