Wara l-emendi fil-liġi dwar id-dipendenza tad-droga fl-2015 biex il-Qorti tkun aktar libera fl-għoti tal-pieni, il-Gvern mistenni jressaq emendi ġodda fil-liġijiet tad-droga, li se jkunu diskussi hekk kif il-Parlment jerġa’ jibda jiltaqa’ waral l-Festi. B’dawn l-emendi, il-Qrati se jkollhom iktar diskrezzjoni dwar is-sentenza li għandhom jagħtu f’każ ta’ sejbien ta’ ħtija f’każijiet ta’ kultivazzjoni tal-pjanta tal-kannabis għal użu personali.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici spjega li bil-liġi tal-lum, f’każijiet ta’ kultivazzjoni tal-pjanta tal-kannabis f’ammont ta’ iktar minn pjanta waħda, il-Qorti hi marbuta li timponi piena ta’ ħabs tassattiva anke jekk il-każ ikun qed jitratta l-użu personali tas-sustanza.
“Il-Qrati stess taw parir lill-eżekuttiv f’diversi sentenzi biex inħollu r-rabta li kellhom li jagħtu ħabs bilfors f’każ ta’ kultivazzjoni tal-pjanta tal-kannabis għall-użu personali. Allura bis-saħħa ta’ dawn l-emendi dik ir-rabta se tinħall u l-qrati jaraw huma x’piena jagħtu. Nagħmilha ċara, il-kultivazzjoni se tibqa’ legali imma l-piena tal-Qorti se tkun aktar diskrezzjonali skont iċ-ċirkostanzi tal-każ”, fisser il-Ministru Owen Bonnici.
B’hekk il-Qrati jkunu jistgħu jagħtu piena li ma tkunx waħda ta’ ħabs bilfors. Fejn il-kultivazzjoni ma tkunx għall-użu esklussiv tal-pussessur, il-piena tibqa’ dik ta’ priġunerija tassattiva. Fejn iżda l-kultivazzjoni tkun għall-użu personali, il-Qorti tkun tista’ tiddeċiedi b’dak li jkollha ppreżentat quddiemha.
Fakkar ukoll li bis-saħħa tar-riforma tal-2015, kull min jinqabad b’pussess sempliċi ta’ droga f’ammonti żgħar jersaq quddiem Kummissarju għall-Ġustizzja minflok ma jersaq quddiem il-Qorti kif kien isir qabel.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna: “Il-Gvern għandu rispett lejn il-Qrati tal-pajjiż u dejjem baxxa rasu għad-deċiżjonijiet tal-Qrati u meta jkollok sentenza wara l-oħra tagħti parir ċar biex jinħallu r-restrizzjonijiet li għandhom aħna naġixxu biex nagħtu aktar fiduċja lill-Maġistrati u l-Imħallfin tagħna.”
Bejn April tal-2015 u l-bidu ta’ dan ix-xahar, il-Kummissarju tal-Ġustizzja ra 3,064 każ. Minn dawn, 108 ntbagħatu quddiem il-Bord ta’ Rijabilitazzjoni għaliex inkunu nstabu ħatja t-tieni darba f’temp qasir u allura jkun jinħass il-bżonn li jingħataw kura.
Mill-Qorti kien hemm 107 każ li ġie referut lill-Bord ta’ Rijabilitazzjoni. Minn dawn kien hemm 39 każ li ġie ddikjarat li ħelsu mill-vizzju, li jfisser li rebħu l-opportunità li quddiem il-Qorti jieħdu sentenza li ma tkunx bilfors waħda ta’ ħabs.