Fil-liġi Maltija se jiġu ntrodotti żewġ reati ġodda sabiex dawk l-aktar vulnerabbli, fosthom tfal, ikunu protetti minn abbuż fuq l-internet.
Dan propju tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u l-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali u Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, fejn ġie spjegat li ż-żewġ reati se jkunu jinkludu s-Cyber Bullying u s-Cyber Stalking.
Hawnhekk intqal li ħafna tfal u żgħażagħ illum il-ġurnata qed jagħżlu li jmorru fuq l-internet sabiex jibbuljaw lil oħrajn.
Każijiet li sfortunatament qed iwasslu għal bosta konsegwenzi negattivi fuq il-ġenerazzjonijiet żgħar.
Ma’ ONE News, il-Ministru Edward Zammit Lewis qal kif dawn ir-reati se jġibu magħhom penali iebsa.
Qal, “Ħassejna li b’żewġ reati speċifiċi, b’piena u sanzjoni kriminali iebsa qed nibagħtu messaġġ lis-soċjetà tagħna li dan il-Gvern ma jaċċetax lil min jibbuljaw u lil min jivvitimizza speċjalment lill-aktar nies vulnerabbli, it-tfal, l-adoloxxenti kif ukoll l-anzjani.”
Fl-istess konferenza ġie spjegat li hemm individwi oħra li b’mod regolari joqogħdu jsegwu u jdejqu persuni oħra li ma jkunux jafu.
Ħaġa li twassal għal problemi psikoloġiċi.
Fil-fatt il-Ministru Zammit Lewis qal li jekk persuna tweġġa’ lilha nnifisha minħabba li tkun iffastidjata, il-bully se jkun qed jidher quddiem il-ġustizzja.
Minn aspett soċjali, il-Ministru Michael Falzon qal kif dawn l-affarijiet jeżistu fis-soċjetà tagħna, saħansitra li jkun hemm min jagħmel jew ikollu l-ħsieb li jikkometti suwiċidju.
Spjega, “B’dan għalaqna wegħda oħra mill-manifest elettorali u li b’dawn iż-żewġ reati qed inwasslu messaġġ b’saħħtu u affarijiet mhumiex tollerabbli illi għandu jkun hemm piena għal min ikollu l-intenzjoni ħażina kriminali u min-naħa l-oħra qegħdin ukoll nuru u nibgħatu messaġġ lin-nies li aħna jinteressana li rridu nipproteġuk.”