L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li qed tipproponi li temenda l-Ordni ta’ Avviż ta’ Żvilupp speċifikament għall-klassi tas-servizzi pubbliċi biex jiġu ssimplifikati l-proċessi relatati ma’ dawn is-servizzi.
Filwaqt li l-klassi 5 tal-istess ordni diġà tirregola xogħlijiet infrastrutturali bħan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-ilma, tad-drenaġġ, kif ukoll xogħlijiet tal-elettriku u tat-telekomunikazzjoni, l-Awtorità issa qed tipproponi li tinkludi l-bini ta’ ċentri tad-distribuzzjoni tal-elettriku, substations ġodda u l-installazzjoni ta’ tagħmir temporanju u strutturi għall-ġenerazzjoni ta’ emerġenza għall-enerġija elettrika.
Dan se jħaffef proġetti relatati mal-aġġornament u l-manutenzjoni tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku fejn erba’ xhur ilu l-Gvern ħabbar li rdoppja l-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku.
Biex ma jkunx hemm dewmien ta’ tali infrastruttura kritika, permezz ta’ dawn l-emendi proposti, xogħlijiet bħal dawn jitqiesu bħala żvilupp permessibbli u għalhekk ikunu eżentati mill-ħtieġa li tiġi sottomessa applikazzjoni sħiħa għall-ippjanar tal-iżvilupp.
Għalhekk, l-Awtorità qed tistieden lill-pubbliku biex jissottometti kwalunkwe rappreżentanza dwar l-emendi proposti permezz fl-indirizz elettroniku: dno.amendments@pa.org.mt. Is-sottomissjonijiet iridu jintbagħtu sat-2 ta’ Jannar li ġej.