Emenda fil-liġi li ser tkun introdotta wara negozjati mal-banek ser tipproteġi benefiċċji soċjali u benefiċċji tal-akkomodazzjoni minn mandat ta’ sekwestru li persuna jista’ jkollu fuq l-assi tiegħu.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon spjega kif din l-miżura ser tagħti imbuttatura soċjali. Dan hekk kif filwaqt li qabel kien hemm limitu ta’ madwar 700 ewro, issa l-benefiċċji kollha li wieħed jista’ jirċievi ser ikunu protetti.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr: “Issa qed inkopru kull ammont ta’ benefiċċju soċjali u ħlasijiet li joħorġu mill-‘Housing Authority’ u m’hemmx iktar il-limitu ta’ dak li kien it-tliet mitt lira Maltin snin ilu. Miżura pożittiva li ħa tgħin ħafna. Miżura b’laqta soċjali. Miżura li hija wkoll frott ta’ ħafna koperazzjoni aħna bħala Ministeru mal-banek Maltin.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, Edward Zammit Lewis spjega kif din hija miżura soċjali importanti għal ħafna familji Maltin u Għawdxin li ta’ kull xahar kien ikollhom jidħlu fi spejjeż legali adizzjonali biex wara li jagħmlu rikors jippruvaw iħollu l-benefiċċji li jkunu ġew issekwestrati. Qal li dan imur kontra l-għan tal-benefiċċji soċjali hekk kif persuna xorta waħda ma tkunx tista’ tgħix ħajjitha b’dinjità u fi kwalità ta’ ħajja tajba. Huwa nnota kif għal darba oħra dan il-Gvern kien hemm biex jisma’ grupp ieħor ta’ persuna li kienu qed jintlaqtu fil-laħam il-ħaj b’liġi li kellha bżonn tinbidel.
Il-Ministru Zammit Lewis sostna: “Għandek tliet vantaġġi. Li l-flus huma mill-ewwel disponibbli, qed nagħtu dinjità lin-nies li ma joqogħdux imorru l-Qorti biex jieħdu dawn il-flus u frankajnielhom li tagħmel rikors il-Qorti biex jinħelsu l-flus u spejjeż ġudizzjarji. Huwa eżempju ieħor ta’ Gvern li jisma’ u Gvern li hu tan-nies u man-nies.”