F’intervisti f’ġurnali ewlenin tal-Ħadd, Ministri tal-Gvern komplew jispjegaw il-fatti dwar l-emenda mressqa fil-Parlament maħsuba biex tkun imħarsa l-ħajja tal-mara u saħħitha f’każ li kumplikazzjoni medika waqt it-tqala tpoġġilha s-saħħa tagħha f’periklu gravi.
Sa minn meta l-emenda tressqet fil-Parlament, il-Gvern ma qgħadx lura milli jiddjaloga u jispjega, u ma’ ġurnalisti indipendenti komplew jitwieġbu d-domandi kollha.
Mal-MaltaToday, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne reġa’ spjega l-għanijiet tal-emenda u kif il-bżonn nibet wara parir tal-avukat tal-istat, li qal kif bil-liġi kriminali kif inhi llum, min jaġixxi biex iħares l-omm ma jkunx legalment protett.
“Mhux jien biss, iżda t-tobba kollha kienu sorpriżi,” qal id-Deputat Prim Ministru meta mistoqsi fuq dan il-parir legali li wera li l-ħarsien li mingħalihom li kellhom it-tobba ma kien ħarsien xejn.
Ladarba kien hemm dan il-parir, il-Gvern ma setax jibqa’ ċass.
Iż-żewġ Ministri spjegaw fid-dettall għaliex qed ikun żleali min jgħid li din l-emenda tiftaħ it-triq għall-abort, bil-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard spjega billi ddikjara hekk:
“Żleali u diżonest qed ikun min qed jgħid li din l-emenda hija tieqa għall-abort.” Fakkar kif meta snin ilu missirjietna daħlu eċċezzjonijiet fil-liġi kriminali bħal self defence, ħadd ma qal li qed niftħu tieqa għal aktar delitti.
Fearne u Attard spjegaw li l-liġijiet tal-abort se jibqgħu kif inhuma llum, bil-pieni li jġibu magħhom, inkluż ħabs.
Bl-emenda taħseb biss li f’każi ta’ bejn ħajja jew mewt, jew periklu gravi għas-saħħa tal-mara allura l-professjonist ikollu s-serħan il-moħħ biex jaġixxi.
Għal darb oħra reġa’ kien iċċarat iswed fuq l-abjad, li jekk il-fetu jkun vijabbli jrid jitwelled. Għax il-prijorità hi li jkunu salvati kemm il-fetu u kemm il-mara.
“Diżonest min jgħid li rridu noqtlu t-trabi,” qal ċar il-Ministru Attard.
Il-Ministru Fearne rrefera għal għadd ta’ riformi importanti li saru mill-Gvern li sabu Oppożizzjoni mill-forzi konservattivi u reazzjonarji, u li wara li saru, iż-żmien ta raġun lill-Gvern Laburista għax kellu għanijiet ġusti.
Filwaqt, li l-Ministru Attard spjega li l-Gvern dejjem lest jiddiskuti, il-prinċipji tal-emenda jibqgħu l-bażi. Fuq kollox illum mhix għażla li ma jsir xejn kif donnu trid l-Oppożizzjoni.
“Il-Proviso tagħhom huwa li ma jsir xejn għax qed jgħidu li l-leġiżlazzjoni hija tajba. Imma dan mhux il-każ u min jara l-liġi kriminali kif inhi jirrealizza li mhux il-każ,” qal il-Ministru Attard mal-ILLUM.