Il-Gvern laqa’ u qabel bis-sħiħ mal-opinjoni maħruġa mill-Kummissjoni għall-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa, kif ukoll is-sentenza Kostituzzjonali fl-isem Marie Therese Cuschieri vs. L-Avukat Ġenerali.
Fi stqarrija l-Gvern qal li s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar u l-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis ilhom f’diskussjonijiet mar-Reġistru Pubbliku, sabiex din l-anomalija tiġi indirizzata mill-iktar fis possibbli. Madanakollu, il-bidla neċessarja tmur ferm lil hinn minn emenda tal-Kapitli 55 u 56 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Dan għaliex is-sistema ta’ riċerki tibbaża ruħha proprju fuq il-parentela tal-persuna, u mhux in-numru tal-Karta tal-Identità tagħha. Għaldaqstant, riċerka ta’ persuna li kienet miżżewġa iktar minn darba, divorzjata jew separata, jew li biddlet kunjomha għal kwalsiasi raġuni, trid tiġi ordnata iktar minn darba, u ċioe ordnata fuq kull kunjom li qatt kellha persuna.
Dan hu neċessarju sabiex il-partijiet kollha involuti f’dak l-att pubbliku partikolari jkollhom serħan il-moħħ li mhu qed jinqabeż l-ebda dokument relevanti.
Il-Gvern qal li jista’ faċilment għal skopijiet politiċi u populisti jippreżenta emenda sabiex il-liġi ma tibqax tirrikjedi dawn id-dettalji tal-persuna. Madanakollu, ikun fl-istess ħin qiegħed iwassal għal nuqqas ta’ kjarezza legali fl-atti pubbliċi, u possibbilment ineżattezzi u inklużjoni ta’ noti żejda f’riċerki bla bżonn.
Flimkien mas-Segretarju Parlamentari responsabbli għar-Reġistru Pubbliku, il-Gvern qal li ser ikompli jaħdem lejn soluzzjoni ħolistika sabiex tinstab soluzzjoni teknika li toffri ċ-ċertezza legali neċessarja.
Jibqa’ ċar illi l-anomaliji fir-rekwiżiti fuq atti pubbliċi jmorru ferm lil hinn minn sempliċi emenda leġiżlattiva li tneħħi rekwiżit jew ieħor minn fuq att pubbliku. Hija kwistjoni delikata li tirrigwarda ċ-ċertezza legali li hija s-sinsla tal-ordni ġuridiku ta’ kull pajjiż li jħares lejn id-drittijiet taċ-ċittadini minn perspettiva kompleta, biex jissalvagwardja lis-soċjetà sħiħa mingħajr ebda diskriminazzjoni.
Intant, il-Ministeru stieden lill-Oppożizzjoni għal laqgħa sabiex dan kollu jiġi diskuss f’aktar dettall fi spirtu li jkun hemm pjan ta’ kif wieħed jimxi ‘l quddiem.
Dan bil-għan li jinstab kunsens ladarba l-Gvern u l-Oppożizzjoni qed jaqblu fuq il-prinċipju.