Kienu diversi d-deputati tal-Gvern li intervjenew waqt id-dibattitu Parlamentari fl-istadju tat-Tieni Qari tal-emendi fil-Kodiċi Kriminali sabiex jiġu protetti l-mara u l-professjonisti mediċi f’każijiet fejn kumplikazzjonijiet fit-tqala jpoġġu ħajjet jew saħħet il-mara f’periklu.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li din l-emenda se tindirizza sitwazzjonijiet estremi u b’hekk inħasset il-ħtieġa li jkun hemm intervent biex jagħti ċertezza legali.
“Ladarba għandek sitwazzjoni eċċezzjonali reġolata biss bi prassi, meta int għad għandek kodiċi kriminali li jitkellem b’mod ċar, il-ħtieġa illi nkunu ċari iżjed u, se mai, tidħol din l-emenda li qiegħda ddaħħal eċċezzjoni li tirregola sitwazzjoni li sal-lum kienet biss regolata minn prassi.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi
Id-deputat Glenn Bedingfield qal li din l-emenda se tindirizza sitwazzjonijiet reali u sensittivi, għax se tkun qed issalva l-ħajja tal-omm meta jkun hemm kumplikazzjonijiet waqt it-tqala.
“Għax aħna niddefendu lill-mara mhux biss meta nkunu nafu biha mill-midja, niddefendu lill-mara mhux biex nidhru, imma niddefendu lill-mara kull fejn hemm bżonn illi niddefendu lill-mara – u hemm ħafna nisa li jbatu u ma jidhrux, u aħna b’din il-liġi rridu niddefenduhom.”
Id-deputat Glenn Bedingfield
Id-deputat Noami Cachia spjegat li din l-emenda se tipproteġi t-tqala u li l-abort se jibqa’ illegali.
“Għadni ma smajt lil ħadd, jew kważi lil ħadd, mill-Oppożizzjoni jispjega kif il-qafas eżistenti, li jipproteġi t-tqala u li permezz tiegħu l-abort huwa meqjus bħala reat f’pajjiżna, mhux se jkun mittiefes f’din l-emenda. Hemm se jibqa’ kollu kemm hu.”
Id-deputat Noami Cachia
Edward Zammit Lewis innota kif il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ma qablitx mal-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista, li tagħmel parti minnu.
“Il-President tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel okkażjoni, għax minflok għażlet il-PN tal-lum għażlet il-karriera, Mr Speaker – beżqithom f’żewġ sekondi fuq din il-pożizzjoni.”
Id-deputat Edward Zammit Lewis
Id-deputat Malcolm Paul Agius Galea, li hu tabib, ikkritika l-mod kif l-Oppożizzjoni qed titkellem dwar it-tobba..
“F’dawn id-diskorsi kważi qegħdin niġu ittimbrati bħala kriminali. Aħna tobba li naqblu dejjem favur il-ħajja. Dak huwa punt b’saħħtu li xtaqt nagħmel u li nitlob lil kulħadd, kull min qiegħed hawn ġew, biex ma jinsiex minn ġo moħħu.”
Id-deputat Malcolm Paul Agius Galea
Min-naħa tagħha, id-deputat Rosianne Cutajar qalet li l-Gvern huwa l-forza tar-riformi u għandu jdejh fuq il-polz tal-poplu.
“Din hija dik li nsejħulha l-politika tal-empatija,;politika illi, jekk xejn, tiddistingwina minn kull partit politiku ieħor illi hawn f’pajjiżna.”
Id-deputat Rosianne Cutajar