“Emenda fundamentali li tagħmel ġustizzja.” Kien b’dan il-mod li żewġ avukati fil-qasam kriminali ddeskrivew l-emenda, li ressaq il-Gvern dwar ordnijiet mill-Qorti fejn jidħlu sekwestri, iffriżar u konfiski ta’ assi personali fil-liġijiet ta’ ħasil ta’ flus, servizzi u swieq finanzjarji.
L-Avukat Ishmael Psaila spjega, kif permezz ta’ dan, issa negozju jista’ jibqa’ jopera u persuna tkun tista’ tibqa’ tgħix b’ħajjitha.
“B’din l-emenda, bniedem jista’ jkompli l-perkors ta’ ħajtu b’mod normali ovvjament pendenti l-proċeduri. Jekk bniedem ikun akkużat li ħasel b’mitt elf se jkun l-ordni tal-mitt elf li tissalvagwardja dawk il-mitt elf, imbagħad, fl-eventwalità ta’ ħtija, il-Qorti tordna l-konfiska li tkun bħala bilanċ ma’ dawk il-mitt elf, imma l-bqija mhux se nwaqqfu l-ebda negozji jew familji li jkomplu jgħixu ħajjithom.”
L-istess sentiment esprimietu l-Avukat Veronique Dalli.
“Din hi emenda fundamentali għall-proċess ġudizzjarju. Meta inti għandek persuna akkużat fuq ħasil ta’ flus, frodi u l-ammont li qed jiġi indikat huwa ta’ tletin elf, m’għandekx għalfejn tikkonfiska l-assi u l-flejjes kollha. Meta fil-proċess ġudizzjarju joħroġ biċ-ċar li dawn ma jkollhomx x’jaqsmu mar-reat.”
Dr Psaila, saħanistra, anke qal kif din l-emenda, imressqa mill-Ministru għall-Ġustizza, Jonathan Attard, qed tara li ma jkunx hemm inġustizzji ma’ dawk li jkunu preżunti innoċenti.
“Primarjament naħseb li l-Gvern, b’mod partikolari l-Ministeru għall-Ġustizzja, irregola diversi inġustizzji b’din l-emenda, li ilhom għaddejjin għal diversi snin. Il-Gvern, fl-opinjoni tiegħi, għamel l-akbar pass li seta’ jagħmel f’dan l-istadju, li hu li joħloq qafas legali li ssir ġustizzja ma’ kull parti interessata, iżda fuq kollox ta rimedju biex jirregolaw ruħhom dawn in-nies li kienu diġà kolpiti b’dawk l-emendi.”
Dr Dalli nnotat, li dak imħabbar, mistenni jnaqqas il-ħela ta’ ħin li dan il-proċess seta’ jġib miegħu.
“Din il-bidla hi fundamentali, tirrifletti elementi ta’ proporzjonalità fis-sena li l-ordni ta’ konfiska ssir fuq l-ammont li hu ekwivalenti għal dak ir-reat. Ifisser ukoll li l-prosekuzzjoni mhux tagħmel għaxar snin biex naraw jekk il-persuna hux ħatja jew le u tħalli l-persuna sal-aħħar bl-assi tagħha kollha ffriżati.”
Fit-tnedija tal-emendi, il-Kummissarju tal-Liġijiet, l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi, kien spjega kif il-Gvern wasal għal din il-liġi wara li wkoll saret konsultazzjoni wiesgħa ma’ esperti fil-qasam.