Fl-aħħar jiem, il-Gvern, permezz tal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, għamel numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-Police Officers’ Union u l-Malta Police Union dwar emenda fil-liġi li tippremja lil dawk l-uffiċjali tal-Pulizija li jibgħu jaħdmu wara d-29 sena, permezz ta’ inċentiv ta’ somma daqs sitt xhur paga għal kull sena żejda wara s-snin tas-servizz.
Din is-somma, li se tkun qed tingħata kull sena, se ssaħħaħ il-workforce tal-Pulizija f’din il-forza tal-ordni essenzjali fil-pajjiż.
Dwar dan tlabna r-reazzjonijiet ta’ Marlon Hili, Chairperson tal-Malta Police Union, u Ray Zammit, President tal-Police Officers’ Union fi ħdan il-General Workers’ Union.
“Biex wieħed jiftiehem, hekk inti fuq id-disgħa u għoxrin sena, malli tagħlaq it-tletin u tagħżel li tieħu dik is-sitt xhur paga ma toqgħodx tistenna tliet snin oħra, taqbad u teħodha ”
Ray Zammit, President, Pou
Min-naħa tiegħu, Hili spjega kif din l-emenda fil-liġi qed tagħti opportunità akbar lill-Korp jagħżel hu meta jiġbor din is-somma intitolata lilu.
“B’din l-emeda, il-Pulizija jista’ jagħżel li jew iġemma’ nofs paga fis-sena għall-erba’ snin jew inkella jiddeċiedi li, kull Ottubru, pereżempju, jagħżel li jieħu nofs il-paga ta’ dik is-sena li jkun ħadem.”
Marlon Hilim Chairperson, MPU
Bl-istess mod, Zammit jiddeskrivi din l-emenda bħala waħda mill-miżuri t-tajbin.
“Din kienet waħda mill-miżuri tajbin li ġew introdotti lill-Pulizija.”
“Din hija miżura ta’ vera timmaġina inti tagħmel sena xogħol u ħa tieħu sitt xhur paga bonus.”
Ray Zammit, President ,POU
Kif wieħed jista’ jassumi, emenda bħal din ġabet magħha numru ta’ kummenti pożittivi minn dawk l-uffiċjali li se jgawdu minnha.
“Imma ovvjament, min qiegħed f’dak il-gap, ovvjament intlaqat tajjeb u ovvjament huma sodisfatti li l-Gvern sema’ t-talba, sema’ r-rikjesta tagħna. Ovvjament din tiġi r-rikjesta tagħna, finalment għax dik hi, ir-rikjesta hi tal-membri tagħna u ovvjament ġiet implimentata jiġifieri hemm is-sodisfazzjon.”
Marlon Hili, Chairperson, MPU