Meta kienet approvata emenda fl-istatut tal-Partit Laburista li permezz tagħha tneħħa kull xkiel li seta’ kien hemm biex il-Partit Laburista jkun għal kollox konformi mal-liġi tal-finanzjament tal-partiti, l-President Daniel Micallef spjega kif il-Partit Laburista dejjem mexa mal-liġi tal-finanzjament tal-Partiti.
Micallef spjega fid-dettal lill-membri tal-konferenza ġenerali kif il-Partit Laburista dejjem irrispetta l-liġi tal-finanzjament tal-partiti u qatt ma kien hemm kwistjoni mal-Kummissjoni Elettorali. Il-Partit Laburista kien l-ewwel wieħed li mar jirreġistra u wara l-Kummissjoni Elettorali wieġbet billi qalet li l-istatu kellu xi affarijiet mhux konformi mal-liġi b’mod partikolari b’rabta ma’ x’jiġri jekk il-partit ikun xolt u kif issir id-dispożizzjoni tal-assi tiegħu.
Micallef qal li l-Partit Laburista kien wieġeb u fisser kif kien se jagħmel l-emendi fil-konferenza ġenerali annwali li qed tiltaqa’ bħalissa.
Saħansitra, qal Micallef, il-Kummissjoni Elettorali kellha parir biex tmexxi bir-reġistrazzjoni bħala waħda proviżorja sakemm ikun emendat l-istatut. Il-Kummissjoni Elettorali wieġbet li se tkun qed iżomm l-applikazzjoni pendenti.
“B’dan kollu li spjegajt, joħroġ fiċ-ċar, li din kienet issue li tqajmet biss mill-Oppożizzjoni għaliex inqabdet tikser il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti, wara snin ta’ ħafna paroli fuq governanza u trasparenza,” qal Micallef li fakkar kif dan hu l-istess Partit li f’25 sena fil-Gvern kaxkar saqajh dwar din il-liġi.
“Dan hu l-istess Partit fl-Oppożizzjoni, li kif idaħħlet il-liġi, wriena kemm hu bravu u kemm hu skomdu b’din il-liġi, u ħoloq l-iskema sigrieta taċ-ċedoli li tmur totalment kontra l-ispirtu tal-liġi tal-finanzjament tal-Partiti. Simon Busutill falz, li fl-ewwel test propju tiegħu, ġie mikxuf li jaghmel bil-kontra ta’ dak li jghid,” qal il-President tal-Partit Laburista li fakkar kif anke mingħajr il-liġi l-Partit Laburista dejjem ippubblika l-kontijiet tiegħu.