Żewġ żgħażagħ Maltin kienu ppreżentati bi premju minn ħadd ħlief ir-reġina Elizabetta II, fil-Palazz Buckingham. L-Għawdxi Eman Borg ta’ 22 sena kien ippremjat tal-isforzi li għamel favur il-komunità LGBTI+ . Vladyslava Kravchenko ta’ 25 sena mill-Qawra kienet rikonoxxuta tal-kuxjenza li qajmet fejn jidħlu l-isport u d-diżabilità.
Il-Prinċep Harry ingħaqad mar-Reġina biex ikkongratulaw lir-rebbieħa f’dan l-avveniment speċjali.
Il-premju jingħata lil żgħażagħ li għandhom bejn it-18-29 sena li ġejjin minn pajjiżi tal-Commonwealth, li qed jużaw il-ħiliet tagħhom biex jagħmlu differenza fis-soċjeta. Ir-rebbieħa ta’ dan il-premju jingħataw opportunita ta’ taħriġ, li tinkludi ġimgħa ta’ tagħlim fir-Renju Unit li matula jkollom l-opportunita li jingħataw il-premju mir-Reġina. Ir-rebbieħa ta’ dan il-premju huma mistennija li jkompli jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom biex ikompli jgħinu lis-soċjeta.
L-istudent tal-MCAST, Eman Borg ingħata l-premju għal proġett li għamel bit-titlu ta’ Human Rights Proposal Paper on Gozo. Dan l-istudent kien qed isegwi kors ta’ Diploma f’livell avvanzat fil-Marketing.
Vladyslava Kravchenko irnexxilha tikteb l-istorja f’pajjiżna meta pparteċipat fir-Rio Paralympics. L-eks ġinnasta soffriet ġrieħi fl-ispina dorsali wara li struttura tad-dawl niżlet fuqha waqt festin il-Qawra, f’Settembru tal-2008. Minn dakinhar ma waqfitx tispira nies bir-rieda tagħha li tkompli b’ħajjitha.