Bħal-lum, 70 sena ilu, ir-‘Re tar-Rock and Roll’, Elvis Presley irrekordja l-ewwel diska kummerċjali tiegħu għall-kumpanija Sun Records.
Id-debutt ta’ wieħed mill-akbar artisti mużikali ta’ kull żmien seħħ b’verżjoni tal-kanzunetta ta’ Arthur Crudup, “That’s All Right, Mama”, li Elvis bidel għal “That’s All Right” biss.
Din il-verżjoni ta’ Presley ġiet irrekordjata bħal-lum fl-1954 u nħarġet għall-bejgħ ġimagħtejn wara, fid-19 ta’ Lulju.
B’kollox hu stmat li biegħet mal-20,000 kopja, li xorta ma kinux biżżejjed biex Elvis jikseb post fil-klassifika nazzjonali b’din id-diski.
Minkejja dan, fil-klassifika tal-aqwa 500 kanzunetta ta’ kull żmien miġbura mill-magażin Rolling Stone fl-2010, “That’s All Right” ġiet ikklassifikata fil-pożizzjoni numru 112.
Kritiċi jsostnu li din il-verżjoni ta’ Presley hi l-ewwel diska fil-ġeneru Rock and Roll.
Proprju 50 sena wara li nħarġet għall-ewwel darba, il-kanzunetta ħarġet fil-format ta’ CD f’diversi pajjiżi.
Minkejja li għaddew diversi snin mill-mewt tar-Re tar-Rock and Roll, il-mużika ta’ Elvis għadha meqjusa bħala immortali, b’kanzunetti li għadhom jitfaċċaw fil-klassifiċi internazzjonali, spettakli teatrali, films u mijiet ta’ impersonaturi tiegħu madwar id-dinja.