Il-maġġoranza tat-tobba li ġejjin minn pajjiżi Ewropej u li qed jaħdmu fir-Renju Unit qed jikkunsidraw li jitilqu minn dan il-pajjiż minħabba BREXIT, dan ħareġ fi stħarriġ li sar mill-GMC (General Medical Council). Dan ifisser li eluf ikunu qed jitilqu mir-Renju Unit fuq mhedda ta’ sentejn.
Dan l-istħarriġ huwa ibbażat fuq aktar minn 2,000 tabib li ġejjin mill-pajjiżi taż-żona ekonomika ewropea (EEA), li tinkludi tobba mill-pajjiżi membri kollha inkluż dawk li ġejjin minn Norveġja, l-Iżlanda u Liechtenstein. Kienu 1,171 tabib, jiġifieri 55% ta’ dawn it-tobba li wieġbu li qed jikkunsidraw li jitilqu mir-Renju Unit wara l-vot ta’ BREXIT.
45% tat-tobba qalu li qed jikkunsidraw li jitilqu mir-Renju Unit fis-sentejn li ġejjin filwaqt li 24% wieġbu li se jkunu qed jagħmlu dan bejn it-tliet snin u l-ħames snin li ġejjin.
Fil-kummenti tagħhom it-tobba spjegaw li wara BREXIT qed iħossuhom demoralizzati u li m’għadux posthom fir-Renju Unit hekk kif il-futur tagħhom m’huwiex ċar. Il-maġġoranza tagħhom ikkumentaw ukoll li n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar x’se jiġri mill-ħaddiema li ġejjin mill-pajjiżi Ewropej fid-dawl ta’ BREXIT qed twassal għal inċertezza fost il-ħaddiema.