Fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex ġie organizzat il-Jum Nazzjonali tal-Isport li matulu eluf ta’ studenti ngħaqdu flimkien f’attivitajiet diversi bil-parteċipazzjoni tal-edukaturi.
Apparti jum ta’ attività sportiva, din il-ġurnata serviet ukoll biex issir promozzjoni tal-importanza tal-attività fiżika fl-iskola.
Waqt żjara fl-iskola tal-Primarja ta’ San Ġwann fejn kienu għaddejjin diversi attivitajiet sportivi, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima tenna li rridu li s-soċjetà tkun konxja tal-importanza tal-attività fiżika u li tipparteċipa b’mod aktar attiv f’attivitajiet sportivi u fiżiċi.
“L-isport li tant huwa importanti għall-aspetti ta’ saħħa mentali, aspetti ta’ saħħa fiżika imma fuq kollox għal dak li huwa l-iżvilupp sħiħ tat-tfal tagħna. Nemmen li l-isport huwa parti integrali mill-edukazzjoni ta’ wliedna u allura bil-fatti rridu naraw l-isport ġol-iskejjel tagħna.”
SportMalta għandha diversi inizjattivi marbuta mal-promozzjoni tal-isport u l-attività fiżika, fosthom il-kampanja #BeActive u l-ġimgħa Ewropea tal-Isport li ttellgħet aktar kmieni dan ix-xahar.
Waqt dawn l-attivitajiet ġew imfakkra l-investimenti li qed isiru fl-ispazji miftuħa tal-iskejjel bi proġetti kontinwi ta’ rijabilitazzjoni ta’ grounds sportivi, bil-għan li tittejjeb l-infrastruttura sportiva fl-iskejjel tal-istat kemm għal skopijiet ta’ rikreazzjoni kif ukoll biex jitjieb il-livell tal-edukazzjoni sportiva.
Fost il-proġetti li ġew implimentati, sar xogħol ta’ turf artifiċjali ġdid fl-iskola Sekondarja tal-Imrieħel u fl-iskola Primarja ta’ Ħal Kirkop b’investiment li qiegħed isir ukoll fl-isfond tal-politika nazzjonali biex tkun indirizzata l-obeżità fost it-tfal u biex titrawwem kultura sportiva fost it-tfal.
Matul dawn is-sentejn twettqu diversi proġetti ta’ faċilitajiet sportivi f’diversi skejjel b’investiment ta’ madwar miljun ewro. Żewġ proġetti maġġuri oħrajn mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada relatati mal-isport huma l-kumpless sportiv fl-iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija li kien inawgurat fl-aħħar jiem.
Dan l-investiment laħħaq l-€4.6 miljun, u l-bini ta’ grawnd ġdid tal-futbol fil-kumpless edukattiv tan-Naxxar sar b’investiment ta’ madwar €14.3 miljun.