Tlett elef u tliet mitt student post-sekondarju se jgawdu minn internet b’xejn għal sena sħiħa b’investiment ta’ aktar minn miljun ewro.
Dan hekk kif għat-tieni sena konsekuttiva tnediet skema li se tkun qed tara lill-istess studenti jirċievu voucher ta’ tliet mitt ewro li jissarraf f’internet b’xejn.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, spjega kif din il-ġimgħa stess l-istudenti se jkunu qed jirċievu email bil-voucher, liema vawċer jista’ jissarraf minn nhar it-Tnejn li ġej sal-ħmistax ta’ Lulju.
Spjega li dan seta’ jkun possibbli grazzi għall-MIMCOL kif ukoll kumpanija tat-telekomunikazzjoni biex b’hekk fuq medda ta’ sentejn aktar minn sitt elef student gawdew minn din il-miżura li se tkompli tnaqqas il-piż minn fuq l-istudenti.
Qal, “Illum it-teknoloġija saret parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum u allura anke jkun hemm xkiel żgħir rridu naraw li nagħtu l-għodda neċessarja lil dawn l-istudenti f’dan il-każ qed nagħtuhom sena ta’ internet b’xejn sabiex ngħinuhom ikomplu javvanzaw ħalli jkomplu ngħaqdu u navvanzaw. Dan il-pajjiż qed immorru għal ekonomija diġitali, u ovvjament l-internet bla dubju ta’ xejn huwa għodda importanti ħafna mhux biss mill-aspett ta’ kif naħdmu imma anke mill-aspett ta’ kif ngħixu u nistudjaw.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, qal kif din il-miżura hija turija ċara ta’ kif sena wara l-oħra dan il-Gvern baqa’ jinvesti fil-qasam edukattiv. Dan sabiex ikun ta’ spalla għall-istudenti fil-mixja tagħhom edukattiv.
Spjega, “Qed naraw realtà ġdida fejn illum il-ġurnata għandek numru ta’ pajttaformi onlajn li qed jaħdmu u għalekk dan huwa inċentiv ieħor biex l-istudenti ta’ madwar Malta u Għawdex ikunu jistħgu jibbenefikaw fid-dħul tagħhom fl-edukazzjoni post-sekondarja u b’hekk nassiguraw li ngħatu l-għodda neċessarja jilħqu l-għanijiet tagħhom.”
Bradley Debono, il-President tal-Kunsill Studenti MCAST, spjega kif dan l-investiment qed iservi ta’ għajnuna kbira għall-istudenti speċjalment fi żmien ta’ sfidi akkedemiċi.
Qal, “Ikun qed itaffi mill-piż kemm tal-istudenti u tal-familja tagħhom speċjalment meta tikkunsidra li ninsabu f’pandemija u kien hemm diversi studenti kienu qed jagħmlu lectures onlajn u biex iseħħu l-istudent kellu bżonn servizz tal-internet b’saħħtu. Għalekk huwa investiment li se jħalli l-frott, diġà ħalla u se jkompli jħalli biex aktar studenti jkomplu l-istudji tagħhom, b’piż inqas minn fuq darhom.”