Dalgħodu madwar 36,000 student li jattendu fl-iskejjel tal-istat, qed jirritornaw fuq il-bankijiet tal-iskola.
Dawn l-istudenti qed jirritornaw għall-sena skolastika ġdida wara t-tliet xhur tas-sajf.
Madwar 22,000 student qed jattendu skejjel tal-primarja, filwaqt li ftit inqas minn 13,000 student qed jattendu fl-iskejjel sekondarji tal-istat madwar pajjiżna.
Dalgħodu crew ta’ ONE News marru quddiem l-Iskola Primarja ta’ Bormla, fejn stajna ninnutaw it-tfal deħlin lejn l-iskola u anke jżommu mal-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa marbuta mal-pandemija.
Dan hekk kif għat-tieni sena konsekuttiva, l-istudenti u l-edukaturi qed isegwu mal-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa f’rabta mal-pandemija.
B’differenza għas-sena skolastika li għaddiet, maġġoranza tal-istudenti li għandhom bejn 12 u 15-il sena tlaqqmu wkoll għal kontra l-Covid-19.
Skont l-aħħar figuri ppublikati skont il-Ministeru għall-Edukazzjoni hemm 73% ta’ dawn l-istudenti li huma mlaqqma kompletament. Filwaqt li aktar minn 85% tal-istudenti ki għandhom ‘il fuq minn 16-il sena huma wkoll kompletament imlaqqma.
Għal din is-sena skolastika żdiedu wkoll il-klassijiet sabiex ikunu rrispettati l-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Minn dalgħodu f’Bormla stajna ninnutaw li barra l-preżenza tat-tfal kien hemm ukoll anzjani u nanniet li bdew jassistu lit-tfal sabiex jidħlu lejn l-iskola.
Dan hekk kif mil-lum beda l-proġett pilota magħruf bħala ‘school grannies’, fejn l-anzjani qed jagħtu l-kontribut tagħhom fil-komunità, permezz ta’ diversi attivitajiet mat-tfal.
Fl-ewwel jum tal-iskola, it-tfal sabu żewġ anzjani ttuwhom maskra u anke diversi karattri janimaw lit-tfal.
Intant tul din il-ġimgħa wkoll madwar 17,000 student irritornaw lejn l-iskejjel tal-Knisja madwar pajjiżna.