Il-kumpanija tal-karozzi Ford, sa’ l-aħħar tas-sena 2027, mistennija tnaqqas in-numru ta’ impjegati tagħha fl-Ewropa b’erbat elef ruħ bil-maġġoranza tagħhom ikunu fil-Ġermanja. Dan jammonta għal madwar 14% mit-total ta’ impjegati tagħhom, hekk kif qed jgħidu li din id-deċiżjoni hija dovuta minħabba żieda fil-kompetizzjoni u anqas bejgħ minn dak previst ta’ karozzi elettriċi kif ukoll ekonomija ħażina.
Bħalissa għaddejin diskussjonijiet mal-unjins u deċiżjoni finali mistennija tittieħed hekk kif dawn ikunu konklużi.
Barra s-sensji, se jiġu mnaqqsa l-ħinijiet tal-ħaddiema fl-impjant ta’ Cologne l-Ġermanja fejn jiġu manifatturati l-karozzi tal-elettriku Capri u Explorer.
Il-kumpanija Ford diġà naqqset in-numru ta’ vetturi li qed jiġu manifatturati sabiex jiffukaw fuq dawk li qed jiġġeneraw l-aktar profitt f’attentat biex ikampaw aħjar f’suq diffiċli.
Bosta kumpaniji oħra li jipproduċu l-karozzi diġà naqqsu l-ammont ta’ impjiegi u anke għalqu impjanti. Kompetituri bħal General Motors riċentament ħabbru sensja ta’ elf impjieg filwaqt li Nissan ukoll se jnaqqsu disat elef impjieg filwaqt li se jirreduċu l-produzzjoni globali b’20%.
Kumpaniji oħra bħal Volkswagen ukoll żvelaw li wisq probabbli se jkunu qed jagħlqu tliet impjanti fil-Ġermanja li potenzjalment ifissru telf ta’ eluf ta’ impjiegi.
L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Karozzi talbet sabiex issir reviżjoni immedjata tal-limiti ta’ emissjonijiet tas-C02 ippjanati għas-sena 2026.