95,000 pensjonant, 53,000 ħaddiem u 15,000 student bejniethom bdew igawdu minn żieda ta’ €56 miljun f’miżuri mħabbra fil-Budget 2022.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana ta ħarsa lejn miżuri tal-Budget li daħlu fis-seħħ.
Il-Ministru Caruana spjega kif il-miżuri tal-Budget għal din is-sena huma maħsuba sabiex filwaqt li pajjiżna jkompli jirkupra mill-pandemija, il-familji Maltin u Għawdxin ukoll igawdu mill-ekonomija li baqgħet tkun sostnuta.
Huwa spjega li “grazzi għall-fatt li l-ekonomija Maltija baqgħet tikber u baqgħet tikber propju għaliex dan il-Gvern baqa’ jsostniha matul din il-pandemija, illum stajt inkompli nibni fuq dak li għidna fl-aħħar budget fejn qiegħdin naraw dawn il-miżuri li qed jidħlu fis-seħħ, miżuri li ser ikunu qed jolqtu daqstant ħaddiema, pensjonanti u studenti li bejniethom lkoll ser ikunu qed jieħdu żidiet matul din is-sena li jammontaw għal xejn inqas minn sitta u ħamsin miljun ewro.”
Il-miżura dwar it-tnaqqis tal-overtime issa ser tkun fuq l-ewwel għaxart elef ewro u mhux iżjed fuq l-ewwel mitt siegħa.
Id-dħul fuq dawn l-ewwel €10,000 ser ikun intaxxat bi 15%.
Din il-miżura ser igawdu minnha mat-30,000 ħaddiem u ser tħalli €6 miljun fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin.
Miżura oħra li wkoll hija kbira daqs din fl-ammont, hija dik fejn ir-rata tat-taxxa fuq dħul minn xogħol part-time ser tinżel minn dik ta’ 15% għal 10%.
B’din il-miżura huwa stmat li ser ikun hemm mat-23,000 ħaddiem li ser jibqgħalhom fi bwiethom mal-€5 miljun fis-sena iżjed.
Familji li d-dħul tagħhom huwa baxx jew medju, il-Gvern ukoll daħħal benefiċċju ġdid li fuqu għal din is-sena ser jintefqu €2 miljun aktar.
Miżura oħra hija dik tal-in-work benefit, li ser tkun qed tiswa €12.5 miljun.
Ġie spjegat li dawk il-ġenturi li jaħdmu, li għandhom tfal taħt it-23 sena u li jibbenefikaw mill-In-Work Benefit, bdew igawdu wkoll minn titjib f’din l-iskema.
Koppji li jaħdmu t-tnejn, il-limitu tad-dħul tela’ minn €35,000 għal €50,000 fis-sena
Koppji fejn wieħed mill-ġenituri jaħdem, il-limitu tad-dħul tela’ minn €26,000 għal €35,000 fis-sena
Ġenituri li jrabbu waħidhom li jaħdmu, il-limitu tad-dħul tela’ minn €23,000 għal €35,000.
Ċertu pensjonanti ser ikunu qed jieħdu żidiet ta’ €10 fil-ġimgħa b’ċertu romol ser jaqbżu din is-somma b’mod sostanzjali.
Il-Ministru Clyde Caruana qal li mis-€56 miljun iżjed li diġà ġew investiti fin-nies bil-Budget għal din is-sena, il-pensjonanti se jkunu ħadu żieda totali ta’ €38 miljun minnhom.
Clyde Caruana spjega kif l-istudenti ser igawdu minn żieda tal-istipendji ta’ 10% wara ħafna żmien.