Eluf ta’ pellegrini qed iżuru t-tebut mikxuf tal-Papa Franġisku fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.
Il-qima tal-pubbliku bdiet mill-Erbgħa għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu.
Fl-ewwel jum li fih jinsab espost il-Papa Franġisku kien hemm serbut twil ta’ nies biex jagħtu l-aħħar qima lil dan il-Kap tal-Knisja Kattolika, li kellu qalb tad-deheb u ħaseb f’kulħadd. Intqal kif nies ta’ kull età tinsab preżenti biex jagħtu l-aħħar tislima lill-Papa Franġisku.
Il-Bażilika se tibqa’ miftuħa sa nofsillejl tal-Erbgħa, il-Ħamis se tkun miftuħa bejn is-sebgħa ta’ filgħodu u nofsillejl u l-Ġimgħa, l-aħħar ġurnata, il-Bażilika se tkun miftuħa bejn is-sebgħa ta’ filgħodu u sebgħa ta’ filgħaxija.
Is-sigurtà fil-Vatikan hija waħda stretta minħabba l-eluf ta’ nies li hemm fiż-żona.
Minn tal-inqas kwart ta’ miljun persuna huma mistennija li jattendu għall-funeral tal-Papa Franġisku nhar is-Sibt filgħodu. Se jkun hemm preżenti wkoll minn tal-inqas 100 delegazzjoni minn madwar id-dinja.
AQRA AKTAR: