Il-Ġimgħa filgħaxija, mat-tnax-il elf spettatur attendew għall-kunċert ‘Queens of Soul’ li ttella’ mill-BBC Concert Orchestra minn fuq il-Fosos fil-Furjana.
Kien lejl uniku mżewwaq b’mużika ikonika tal-widna tal-kantanti leġġendarji inkluż dawk ta’ Tina Turner, Whitney Houston, u Aretha Franklin, fosthom ‘River Deep Mountain High’, ‘One Moment in Time’, ‘What’s Love Got To Do With It’, fost oħrajn.
Dan il-kunċert infetaħ mill-kantanta lokali Destiny, fejn kantant numru ta’ kanzunetti mir-ripertorju tagħha, u aktar tard, mas-70 mużiċist tal-BBC Concert Orchestra ħadu sehem li jakkumpanjaw il-kantanti bravissimi Marisha Wallace, Vanessa Haynes, u Gloria Onitiri.
Din kienet il-ħames darba li l-BBC Concert Orchestra flimkien ma’ BBC Radio 2 organizzaw serata ta’ din ix-xorti f’pajjiżna, u ma’ kull sena, id-domanda għal dan il-kunċert qegħda dejjem tiżdied; kemm mill-Maltin, kif ukoll mit-turisti li jinzertaw preżenti fl-istess żmien tal-kunċert.
Għaldarboħra, dan l-ispettaklu wera kemm pajjiżna qed jikber minn kull qasam u anke fl-abilità li jħejji kunċerti ta’ skala kbira bħal dan, li aktar ma jgħaddi ż-żmien, dejjem qed jitjiebu fil-kwalità u jiżdiedu fil-frekwenza.