Iktar minn għaxart elef migrant qasam il-fruntiera lejn l-Istati Uniti mill-Messiku wara li l-Ħamis bil-lejl inbidlet il-liġi marbuta mal-immigrazzjoni bl-isem ta’ ‘Title 42’.
‘Title 42’ kienet liġi li waqfet id-dħul tal-migranti milli jidħlu fl-Istati Uniti minħabba biża’ ta’ tixrid ta’ mard li jittieħed. Però issa se jidħlu fis-seħħ restrizzjonijiet ġodda li huma aktar stretti, biex jinkoraġġixxu lill-migranti jidħlu fil-pajjiż b’mod legali.
Ħafna mil-migranti dehru mdawrin mal-fruntiera ta’ El Paso f’Texas eskortati minn gwardjani tal-Għassa tal-Fruntiera tal-Istati Uniti li ħaduhom fuq karozzi tal-linja biex imorru lejn ċentru ta’ pproċessar fil-qrib.
Fi stqarrija, is-Segretarju tas-Sigurtà Interna Alejandro Mayorkas qal li l-awtoritajiet kienu ppreparati għal din it-tranżizzjoni.