L-Imnarja hi waħda mill-eqdem festi fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna, li apparti l-konnotazzjoni reliġjuża tagħha, hi l-ikbar festa agrarja f’Malta.
Eluf ta’ Maltin u Għawdxin inġabru fil-ġonna tal-Buskett ilbieraħ filgħaxija u kmieni dalgħodu biex mal-bdiewa u mar-raħħala jiċċelebraw il-bżulija u l-ħidma sfiqa ta’ matul is-sena li għaddiet.
Fost attivitajiet oħra kien hemm kompetizzjonijiet u wirjiet tal-bhejjem – baqar, żwiemel, nagħaġ, mogħoż, fniek, klieb u tjur – li kollha huma mrobbija fl-irziezet. F’atmosfera mill-isbaħ bil-kontribuzzjoni tal-għannejja, tal-banda u tal-gruppi folkloristiċi, dawk kollha li żaru l-ġonna tal-Buskett setgħu jgawdu l-wirja tradizzjonali u jieklu ikel tradizzjonali Malti.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri żar l-attivitajiet tal-Imnarja u ltaqa’ mal-bdiewa u mar-raħħala preżenti, filwaqt li wera apprezzament għall-ħidma u għall-kontribut tagħhom lejn il-prodott lokali.
Qrib nofsinhar tħabbru r-riżultati mill-ġurija ta’ għadd ta’ kompetizzjonijiet u l-Aġent President Dolores Cristina flimkien mas-Segretarju Parlamentari ppreżentaw it-trofej u l-palji lir-rebbieħa.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali rringrazzja lil dawk kollha li taw kontribut għas-suċċess tal-attivitajiet tal-Imnarja, speċjalment lill-bdiewa u lir-raħħala, kif ukoll lill-ħaddiema tad-diversi dipartimenti fi ħdan is-Segretarjat.
Qal ukoll li hu kommess li fil-ħidma tiegħu bħala Segretarju Parlamentari se jpoġġi l-kwalità u s-saħħa tal-prodott naturali Malti fuq quddiem.
L-attivitajiet tal-Imnarja ta’ din is-sena kienu organizzati mit-Taqsima Festi Rurali.