Matul il-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, eluf ta’ nies, minn tfal sa żgħażagħ u anki anzjani, inġabru fil-pjazza tal-Mellieħa biex mat-tokki ta’ nofsillejl, jibdew il-mixja annwali ta’ Puttinu Cares li tintemm fil-Furjana.
Din it-tradizzjoni annwali, li saret għad-dsatax-il darba, tiġbor eluf ta’ Maltin minn diversi komunitajiet biex jissieħbu flimkien u jagħmlu din il-mixja għal għan nobbli.
Fil-fatt, fl-edizzjoni ta’ din is-sena, għal din il-mixja ta’ 20 kilometru ħadu sehem madwar 10,000 persuna; mixja li bdiet mill-Pjazza tas-Santwarju fil-Mellieħa u għaddiet mix-Xemxija, mill-bypass ta’ San Pawl il-Baħar, minn Burmarrad, mill-Pjazza tal-Mosta, minn Ħal Lija, mill-Wied ta’ Birkirkara, mill-Front tal-Imsida, minn quddiem il-Kwartieri tal-Pulizija, u spiċċat fuq il-Fosos fil-Furjana.
Bħal kull sena, il-flus li jinġabru minn din il-mixja jmorru għand il-Fondazzjoni Puttinu Cares sabiex pazjenti Maltin li jkollhom jitilqu barra minn xtutna għall-kura, isibu għajnuna li ttaffilhom mill-ispejjeż tagħhom.
Minbarra l-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li pparteċipaw, għexieren ta’ persuni ħadu sehem minn wara l-kwinti biex tkun tista’ tittella’ din l-attività, b’għexieren ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta u Pulizija assistew biex iżommu l-ordni fit-toroq sabiex jiġi evitat kwalunkwe periklu.
Intant, fil-Ġimgħa l-Kbira komplew jinġabru aktar fondi waqt maratona li wkoll issir kull sena u tixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha, inkluż ONE.