Huwa stmat li 3% tal-popolazzjoni Maltija fieqet mill-marda tal-kanċer u qed tgħix ħajja normali. Dan qalitu l-espert tas-saħħa pubblika Miriam Dalmas fejn fil-jum dinji għall-għarfien tal-kanċer spjegat li ta’ kull sena madwar 2,000 persuna tingħata d-dijanjosi li għandha kanċer.
Dr Dalmas spjegat: “Bħala każijiet ġodda jidħlu 2,000 fis-sena. Bħala mwiet ikollna bejn 800 u 1,000 fis-sena u qed nistmaw li 3% tal-popolazzjoni salvat mill-kanċer. Dawn huma nies li jibqgħu jgħixu u jgħixu ħajja normali wara d-dijanjosi u l-kura li ħadu għall-kanċer.”
Dr Dalmas kompliet tispjega li f’pajjiżna l-kanċer tas-sider fin-nisa baqa’ l-aktar kanċer komuni. Hija fissret: “L-aktar komuni huwa l-kanċer tas-sider fin-nisa, hemm il-kanċer tal-musrana l-kbira li jolqot liż-żewġ sessi b’mod ugwali mbagħad hemm kanċers oħrajn bħal dak tal-pulmun u l-bużżieqa tal-awrina. Hemm diversi tipi.”
L-espert tas-saħħa pubblika kompliet tispjega li l-prevenzjoni hija importanti daqs il-kura għalhekk il-Gvern tul is-snin nieda diversi programmi ta’ prevenzjoni kif ukoll ta’ screening.
Dr Dalmas temmet tgħid: “Il-pjan ikopri firxa wiesa ta’ miri allura l-Gvern dejjem jipprova jagħmel programmi ta’ prevenzjoni u jagħti anki għajnuniet biex dak li jkun inaqqas mit-tipjip, biex inaqqas mill-obeżità. Hemm xogħol kbir fuq l-iscreening fosthom tas-sider, tal-musrana l-kbira u tal-għonq tal-utru.”
Studju internazzjonali dwar il-kura tal-kanċer kkonkluda li tmienja minn kull għaxra li jimirdu bil-kanċer tas-sider f’pajjiżna jfiequ filwaqt li tlieta minn kull erbgħa tal-irġiel li jimirdu bil-kanċer tal-prostata wkoll jiġu mfejqa.