Bit-tema, “Kotba, Kitba u Aktar”, tnediet edizzjoni oħra tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li se jkun mifrux fuq ħamest ijiem bejn it-tmintax u t-tnejn u għoxrin ta’ dan ix-xahar.
Taħt saqaf wieħed fl-MFCC f’Ta’ Qali, dan il-festival qed jiġbor taħt saqaf wieħed eluf ta’ kotba minn pubblikaturi lokali, fl-akbar esperjenza għal dawk kollha li jħobbu l-qari.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, spjega kif dan il-Festival qed isir attività kulturali importanti għall-familji u r-residenti barranin li jgħixu Malta.
Hawnhekk innota l-importanza u r-relevanza li għad għandu l-ktieb fid-dinja tal-lum, minkejja l-isfidi li ġġib magħha t-teknoloġija.
Fl-MFCC f’Ta’ Qali ġie maħsub li ssir kamra multi-sensorjali, biex anki tfal bl-awtiżmu jkunu jistgħu jgawdu din l-esperjenza.
Fit-tnedija tal-Festival, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima saħaq fuq l-importanza tal-qari, u semma kif kull tifel u tifla għandhom ikollhom parti fil-kamra tagħhom bil-kotba, għaliex ir-riċerka turi li tfal bil-kotba bid-dar, għandhom aktar potenzjal jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.
Għaldaqstant, inizjattivi bħal dawn għandhom jixprunaw l-interess fost it-tfal, li jkun sostenibbli.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli, saħqet fuq l-importanza li kull attività li ssir tkun inklussiva, speċjalment fejn jidħlu l-kultura, l-arti u l-qari, biex ikunu aċċessibbli għal kulħadd.