Il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali ingħata kollezzjoni kbira ħafna ta’ insetti minn kollezzjonist privat, Anthony Seguna min-Naxxar.
Fi stqarrija Heritage Malta qalet li ħafna mill-insetti nġabru mill-Guiana Franċiża, pajjiż ċkejken mal-kosta tal-Grigal tal-Amerka t’Isfel, iżda hemm ukoll eżemplari mill-Marokk, mill-Greċja u mit-Turkija. Ħafna minn dawn l-insetti inġabru mis-Sur Seguna nnifsu.
Permezz ta’ din l-għotja, il-kollezzjoni tal-insetti tal-mużew kważi rdoppjat.
Il-pass li jmiss huwa li l-kuraturi tal-mużew jikkatalogaw u jiddiġitizzaw il-kollezzjoni biex imbagħad din tkun aċċessibbli virtwalment fis-sit elettroniku ta’ Heritage Malta.
Il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali fl-Imdina jirċievi medja ta’ 30 għotja kull sena. Dawn ivarjaw minn eżemplar wieħed għal kollezzjonijiet ta’ mijiet u eluf ta’ insetti, bħal fil-każ tas-Sur Seguna.