Mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema federali illum mhux se jidħlu għax-xogħol hekk kif is-senat tal-Istati Uniti qed jissielet biex itemm is-shutdown tal-gvern. Is-shutdown beda f’nofsilejl tal-Ġimgħa meta l-leġislaturi fallew milli jaqblu fuq l-estensjoni ta’ fondi federali.
Minkejja li tul tmiem il-ġimgħa saru diversi attentati biex jinstab xi kompromess, is-senat baqa’ ma qabilx u għalhekk fl-ewwel ġurnata tax-xogħol wara l-vot, diversi dipartimenti se jibqgħu magħluqa.
Il-vot ittieħed fl-ewwel anniversarju minn meta Donald Trump ħa l-ġurament bħala President.
L-aħħar shutdown tal-Gvern seħħ fl-elfejn u tlettax u dam madwar sittax-il ġurnata.