F’konferenza tal-aħbarijiet fil-librerija moderna tal-MCAST ta’ Raħal Ġdid, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon spjegaw uħud mill-miżuri mħabbra fil-baġit għas-sena d-dieħla li jolqtu l-istudenti li jkomplu jistudjaw f’livell post-sekondarju.
Fost diversi miżuri li jolqtu din il-faxxa ta’ studenti, il-Ministru Grima semma żieda oħra fl-ammont ta’ sigħat li student jista’ jaħdem, hekk kif issa, student se jkun jista’ jaħdem sa massimu ta’ tletin siegħa mingħajr ma jsofri telf fl-istipendju.
Semma wkoll miżura oħra li se tara aktar minn erbgħin kors speċifiku – b’mod partikolari tas-suġġetti STEM u tat-teknoloġija – jibbenefikaw minn stipendju ogħla, b’investiment ta’ sitta punt ħamsa miljun ewro fit-tliet snin li ġejin. Huwa maħsub li mal-elf u mitejn student se jibbenefikaw minn dan fl-immedjat, u aktar minn erbat elef student fuq tliet snin.
Dan il-baġit qed jagħmel enfasi wkoll fuq it-tax credits u skemi ta’ scholarships għax jemmen li l-istudenti għandhom ikollhom l-opportunità jimirħu u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.
“Aħna nemmnu li l-perkors edukattiv m’għandux jieqaf fl-età ta’ ħmistax jew sittax-il sena imma huwa perkors li jara li jintlaħaq l-iżvilupp sħiħ tal-persuna u allura għandek diversi aspetti tal-investiment min-naħa tal-Gvern fis-settur edukattiv, b’mod partikolari b’mod dirett fl-istudenti.”
Clifton Grima – Ministru
Intant, il-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon semma l-importanza tal-aspett soċjali f’dawn il-miżuri, biex kulħadd jingħata l-opportunità li jimxi ’l quddiem fis-soċjetà.
Hawnhekk tkellem fid-dettall dwar l-allowance ta’ ħames mitt ewro għall-ġenituri tal-istudenti li jkomplu jistudjaw wara li jtemmu l-edukazzjoni obbligatorja.
Fil-fatt, il-Gvern se jkompli jgħin lill-ġenituri ta’ studenti li jibqgħu jistudjaw wara li jagħlqu sittax-il sena b’benefiċċju ġdid ta’ ħames mitt ewro fis-sena għal tliet snin.
Din l-għotja tingħata sakemm it-tfal jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom u jkunu studenti f’xi istituzzjoni edukattiva tal-Gvern jew privata li tkun rikonoxxuta.
“Din hija miżura fejn qed nagħtu għotja ta’ ħames mitt ewro għal tliet snin lil dawk l-istudenti li għalkemm ikunu għalqu sittax-il sena u ma jibqgħux intitolati għaċ-Children’s Allowance, jingħataw din l-għajnuna b’għan wieħed, li kulħadd ikollu l-opportunità li jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu.”
Michael Falzon – Ministru