Issa li l-forzi Iraqqini flimkien mal-allejati tagħhom qed iġibu fit-tmien l-okkupanza tal-Istat Iżlamiku fl-Iraq inħolqot problema oħra. Bħalissa fl-Iraq qed jiġu miżmuma aktar minn tliet elef mara u tfal ta’ militanti li iġġieldu mal-Istat Iżlamiku.
Minn dawn it-tliet elef hemm aktar minn nofshom li ġejjin minn pajjiżi barranin inkluż dawk mill-Unjoni Ewropea. Bħalissa dawn qed jiġu miżmuma ġo ħabs fil-villaġġ ta’ Tal Keif li jinsab madwar 10 kilometri l-bogħod minn Mosul. Il-kundizzjonijiet ġo dan il-ħabs huma miżeri. Minkejja li dan kien inbena sabiex iżomm 500 ruħ bħalissa dan in-numru qabeż l-elf.
Il-Gvern Iraqqin qed jipprova jikkonvinċi l-pajjiżi rispettivi sabiex dawn il-familji jiġu estraditi madankollu Dr Wahab Altaey qal li din hija kedda kbira. Ftit huma li qed jagħtu tweġibiet pożittivi għat-talba tal-Gvern Iraqqin. Issa l-Gvern Iraqqin qed jifhem aktar li l-maġġoranza ta’ dawn il-familji se jkollhom iqattgħu l-kumplament ta’ ħajjithom f’ħabsijiet diversi ġewwa l-Iraq.