Għaxart ijiem biss wara l-formazzjoni ta’ gvern ġdid fil-Belġju, diġà qed ikollu jaffaċċja protesti kbar u strajks.
Il-pulizija qalet li madwar 60,000 persuna ħarġu fit-toroq ta’ Brussell ilbieraħ filgħodu jipprotestaw kontra l-gvern il-ġdid u jiddefendu s-servizzi pubbliċi.
Huma qed isostnu li serje ta’ miżuri ta’ awsterità fil-baġit mħabbra mill-koalizzjoni tal-gvern msejħa Arizona u mmexxija minn Bart de Wever, se tkun qed taffetwa l-pensjonijiet, il-qgħad u l-iffinanzjar tal-isptarijiet.
Din is-sena l-età statutorja tal-pensjoni telgħet minn 65 għal 66 sena u mistennija titla għal 67 sal-2030. Barra minn hekk issa jridu li l-età tal-irtirar għan-nies fis-servizz minn 56 titla’ għal 67.
Il-gvern irid ukoll jillimita l-benefiċċju tal-qgħad għal sentejn biss meta bħalissa mhemmx limitu taż-żmien filwaqt li l-infermiera jinsabu mħassba li r-riforma fil-finanzjament tal-isptarijiet se tħalli mpatt fuq il-kwalità tas-servizz tas-saħħa.
Bil-baġit kif propost, il-gvern Belġjan qed jittama li sal-2029 ikun iffranka €23 biljun iżda d-dimostranti qed jisħqu li dan il-piż qed ikun mifugħ inġustament fuq il-ħaddiema aktar milli n-negozji u s-sinjuri.
Ilbieraħ id-dimostrazzjonijiet kellhom impatt fuq is-servizz tat-trasport pubbliku filwaqt li l-ispazju tal-ajru Belġjan inżamm magħluq hekk kif kien qed jiġi segwiet strajk mill-kontrollaturi tat-traffiku tal-ajru.
Kien hemm ukoll xi ġlied bejn il-pulizija u d-dimostranti quddiem il-kwartieri ġenerali tal-Engagés u MR, żewġ partiti li jiffurmaw parti mill-koalizzjoni tal-gvern.