Fl-aħħar xahrejn, mindu feġġ l-ewwel każ ta’ coronavirus f’pajjiżna, daħlu aktar minn għaxart elef telefonata fuq is-servizz tal-Home Help għall-anzjani.
Is-servizzi li taw il-madwar mitejn impjegat tal-Home Help, varjaw minn xiri ta’ ikel, mediċina u ikliet lesti. Kien hemm ukoll domanda qawwija għas-servizz tal-meals on wheels, fejn il-ħaddiema wasslu ikla sħuna u bnina kuljum lill-anzjani.
Il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva, Renzo Degabriele, spjega li aktar minn qatt qabel, inħass il-bżonn li jinżamm kuntatt kontinwu mal-anzjani.
“Mela, aħna meta rajna dawk l-ammonti ta’ telefonati, ħassejna l-ħtieġa li nżommu kuntatt ma’ min qed iċemplilna biex inti mhux kull darba toqgħod iċċempel u forsi ssib il-linja diffiċli biex taqbad magħna allura aħna għamilna sistema fejn erġajna għamilna kuntatti aħna, żammejna kuntatti regolari ma’ min kien ċemplilna fuq il-helpline, biex naraw xi bżonnijiet kellu.”
Dr. Degabriele spjega li qabel il-pandemija, kien ikun hemm helper assenjat għal numru ta’ sigħat ma’ anzjan jew anzjana partikolari skont kif deċiż mill-bord.
Dan iwassal biex tinħoloq ċertu relazzjoni ta’ ħbiberija bejn il-helpers u l-anzjani. Xi ħaġa li issa m’għadhiex possibbli, għaliex il-helpers qed jintużaw skont il-bżonn.
Il-Home Help mistenni jerġa’ lura għan-normal fil-ġimgħat li ġejjin, u saħansitra jżid il-firxa ta’ servizzi mogħtija.
“Il-pjan huwa li s-servizz jerġa’ jibda jingħata għaliex nafu wkoll li hemm ħafna anzjani li għandhom problema minħabba t-tindif li jkollhom fid-dar u qegħdin nagħmlu l-pjan ta’ kontinġenza biex aħna nerġgħu nibdew dan is-servizz bil-prekawzjonijiet neċessarji tal-każ, jiġifieri bil-maskri, hand rubs, u aħna nagħtu linji gwida lill-helpers tagħna biex aħna nkunu nistgħu nerġgħu nibdew dan is-servizz kif kien qabel.”
L-anzjani li m’għandhomx min jgħinhom fil-qadi ta’ kuljum, jistgħu jagħmlu użu mis-servizz tal-Home Help billi jċemplu fuq 25903030.