Eluf ta’ nies offrew li jadottaw lit-tarbija li twieldet qalb it-tifrik ta’ bini mġarraf fis-Sirja wara t-terremot ta’ nhar it-Tnejn li għadda.
It-Tarbija ngħata l-isem Aya, li jfisser miraklu bl-Għarbi, kienet għadha bil-kurdun ma’ ommha, iżda, b’xorti ħażina t-tarbija hija orfni hekk kif ommha, missierha u ħutha l-erbgħa mietu.
Aya bħalissa tinsab fi sptar wara li l-kundizzjoni tagħha xejn ma kienet tajba wara li nstabet kiesħa silġ bilkemm tieħu nifs u b’ħafna tbenġil. Madanakollu, issa tinsab f’kundizzjoni stabbli.
Wara li l-filmat tas-salvataġġ tat-tarbija ħareġ fil-midja, kienu bosta minn madwar id-dinja li staqsew kif jistgħu jaddattaw lit-tarbija orfni.
Il-Pedjatriku li qed jikkura lit-tarbija qal li għalissa se jistennew u jaraw jekk għandhiex membri tal-familja oħra li jistgħu jieħdu ħsiebha; filwaqt li sakemm jinstabu, it-tabib qal li qed jieħu ħsiebha hu daqslikieku hija tiegħu. Fil-fatt, huwa wkoll għandu tarbija erba’ xhur akbar minnha u martu qed treddagħha flimkien ma’ binthom.