Isqfijiet, buffi, sorijiet, maskri grotteski… u l-personaġġi u botti politiċi ma jonqsux.
Dawn kollha jingħaqdu flimkien fil-Karnival Spontanju tan-Nadur, li sar fost l-akbar attivitajiet tal-massa f’Għawdex fi żmien il-Karnival, li ta’ kull sena jattira lejh eluf ta’ persuni, l-aktar żgħażagħ.
Matul is-snin, l-ispontanjetà spikkat f’kull rokna tan-Nadur, b’temi li xi drabi lanqas timmaġina li jgħaddu minn moħħ xi ħadd.
Iżda kemm hu popolari l-Karnival tan-Nadur?
Dan l-istazzjon staqsa din il-mistoqsija lil Brian Bonnici, li huwa magħruf li jippromwovi l-kultura Maltija.
“Li jolqtok ħafna mill-Karnival tan-Nadur, is-sens spontanju huwa, fis-sens li l-makabrità ma ddejjaqhomx. Huwa s-sens ta’ satira. Anke jekk f’pajjiżna dan l-aħħar żmien kien hemm imbuttatura biex anke s-satira tidħol, anke fuq il-karrijiet qisha ma tantx qabdet art. Fin-Nadur le. Fin-Nadur ma jiddejqux jilbsu tal-Prim Ministru, tal-Kap tal-Oppożizzjoni, tal-Papa.”
Tkellimna ukoll mad-DJ Għawdxi, Chris Nooke, li se jkun qed idoqq fin-Nadur.
“Għal nies bħali, dawn il-ħamest ijiem tal-Karnival inkunu għaddejjin b’ħafna xogħol, forsi ħafna nies ma jafux li DJs mhux biss idoqqu imma jkun hemm ħafna preparamenti wara l-kwinti. Il-Karnival narah pjattaforma tajba ħafna għal DJs hemm barra għal iktar nies.”