Eluf ta’ persuni ħonqu t-toroq tal-Belt Valletta għat-tlettax il-edizzjoni tan-Notte Bianca jew Lejl Imdawwal.
Is-Sibt filgħaxija għadd ta’ binjiet storiċi madwar il-Belt Valletta fetħu l-bibien tagħhom għal pubbliku li attenda bi ħġaru.
Iżda mhux biss.
Madwar it-toroq itellgħu għadd ta’ attivitajiet fosthom wirjiet ta’ vetturi, u anke spettaklu liema bħalu mmirat għal familja kollha.Il-qofol kollhu ntlaħaq fi Pjazza San Ġorġ fejn hemmhekk minn fuq il-Palk Prinċipali kantaw id-duo Emma u Biondo.
Minn attenda seta wkoll jgawdi mużika, zfin, teatru u aktar hekk kif itellgħu wkoll għadd ta’ kunċerti madwar partijiet differenti tal-Belt Valletta.
Ir-Ristoranti flimkien ma’ għadd ta’ ħwienet ħadu wkoll l-okkażjoni biex jibqgħu miftuħa sa tard bil-lejl.
Fil-palazzi u l-mużewijiet tal-Belt Valletta li fetħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku ttellaw għadd ta’ wirjiet ta’ arti.
Intant, tul Triq Melita u Stradstretta ttellgħet wirja mill-Korpi Dixxiplinati fosthom il-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta u l-Protezzjoni Ċivili.