L-ilwien tal-qawsalla ddominaw it-toroq tal-Belt Valletta, hekk kif is-Sibt wara nofshinar ġiet organizzata l-Pride March annwali.
Fil-kapitali, bit-tema Live Your Truth, eluf ta’ nies iċċelebraw il-kisbiet ta’ Malta fil-qasam tal-ugwaljanza.
Ta’ min ifakkar kif għas-seba sena konsekuttiva, f’Mejju li għadda, Malta kklassifikat fl-ewwel post fir-Rainbow Map Index, stħarriġ annwali josserva d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+ madwar l-Ewropa.
ONE News tkellem ma’ wħud minn dawk li attendew għal din il-parata, li lkoll kellhom sentiment wieħed.
Oħrajn qalulna li dan huwa l-ewwel Pride March li fih qed jiġi ċċelebrat ukoll il-fatt li tneħħew id-diskriminazzjoni kontra rġiel gay fl-għoti tad-demm.
Preżenti għal dan l-avveniment annwali kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat minn bosta Ministri, Deputati, Membri tal-Parlament Ewropew, u membri mill-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.
Intant, ġimgħa ilu ġie organizzata l-ewwel Pride March li qatt sar fil-gżira Għawdxija; mument li wkoll qed jitqies bħala wieħed storiku għall-ugwaljanza f’pajjiżna.
Il-Ħadd se jimmarka t-tmiem tal-Pride Week f’pajjiżna. Eżettament wara se jibdew il-preparazzjonijiet sabiex, f’Settembru tas-sena d-dieħla, Malta tospita l-Europride, avveniment internazzjonali pna-Ewropew li jiċċelebra l-kultura tal-persuni LGBTIQ+.