Eluf ta’ persuni ħanqu t-toroq ta’ San Ġiljan għall-festa annwali ta’ San Patrizju.
Mill-erbgħa ta’ waranofsinhar San Ġiljan liebes l-aħdar fejn bla dubju ta’ xejn, hawn ukoll iddominat il-birra.
Il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ ukoll żar San Ġiljan biex jiċċelebra Jum San Patrizju flimkien maż-żgħażagħ li kienu preżenti. Matul iċ-ċelebrazzjoni, Abela ltaqa’ ma’ bosta persuni u esprima l-apprezzament tiegħu għall-atmosfera ferriħija li dan l-avveniment iġib miegħu kull sena.
Wara li eluf ta’ persuni ċċelebraw din il-festa, il-ħaddiema tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni ħadmu bla waqfien matul il-lejl biex iż-żona terġa’ tkun nadifa u lesta mill-ġdid għal ġurnata oħra kemm jista’ jkun malajr. ONE News hu informat li b’kollox inġabru mal-ħames tunellati ta’ skart.
Dan kollu kien possibbli grazzi għad-dedikazzjoni tal-ħaddiema u l-investiment bla preċedent fl-aktar makkinarju modern.
Skont kif tgħid it-tradizzjoni, San Patrizju mar lura l-Irlanda wara li kien inżamm bħala skjav. Hemmhekk beda jikkonverti lill-Irlandiżi għall-Kristjaneżmu. Jingħad, li dan il-qaddis miet proprju fis-17 ta’ Marzu, u għalhekk id-dinja kollha tingħaqad katina waħda sabiex tfakkru bix-xorb tal-birra u l-kulur aħdar.
Photo Credit: Chris Sant Fournier, Times of Malta