Matul il-jum tas-Sibt, saret l-elezzjoni bikrija, fejn eluf ta’ nies li fit-tmienja ta’ Ġunju mhux se jkunu jistgħu jivvutaw, eżerċitaw dan il-dritt fl-elezzjoni bikrija li baqgħet għaddejja sal-ħin tal-għaxra.
Fil-fatt b’kollox għas-Sibt ġew irreġistrati mal-Kummissjoni Elettorali xejn inqas minn ħmistax-il elf, disgħa mija u disgħa u sebgħin vot għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u sittax-il elf, mija u ħamsa u tletin persuna għal dawk tal-Kunsilli Lokali.
Dawk kollha li jinsabu rikoverati fid-djar tal-anzjani wkoll kienu intitolati li jivvotaw illum ukoll fir-residenzi ta’ kura stess fejn jgħixu.
Il-votazzjoni fetħet fis-sebgħa ta’ filgħodu u għalqet fl-għaxra tas-Sibt bil-lejl.
Sadanittant, fi stqarrija mibgħuta mill-Kummissjoni Elettorali ntqal kif sas-sagħtejn ta’ waranofsinhar ivvotaw madwar 51% tal-votanti rreġistrati fil-votazzjoni bikrija.
Sa dan il-ħin, għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ivvotaw tmient elef, mitejn u erbgħa u tletin persuna, dan filwaqt li għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, sas-sagħtejn ta’ waranofsinhar ivvotaw tmint elef, mitejn u tmienja u disgħin.
Wara din il-ġurnata tal-1 ta’ Ġunju, il-votazzjoni bikrija tkompli matul il-ġimgħa li ġejja, hekk kif, fost oħrajn, se ssir il-votazzjoni fl-isptarijiet nhar il-Ħamis 6 ta’ Ġunju.
Sadanittant dawk li għadhom ma ġabrux il-vot tagħhom għat-8 ta’ Ġunju għadhom jistgħu jagħmlu dan mill-għases illum bejn it-8:00 ta’ filgħodu u l-10:00 ta’ bil-lejl u għada l-Ħadd, għall-aħħar darba, sa nofsinhar.
Wara l-voti li jifdal ikunu jridu jinġabru direttament mingħand il-Kummissjoni Elettorali.