Ir-residenti ta’ Florida ġew imwissija biex jippreparaw għall-effetti devastanti li jista’ jħalli warajh l-urugan Matthew, li diġà għamel ħerba fil-Ħaiti u l-Bahamas.
Il-Gvernatur ta’ Florida wissa lin-nies li l-ħsara tista’ toħloq katastrofi fil-postijiet milquta filwaqt li ġew ordnati evakwazzjonijiet ta’ nies li jgħixu viċin il-kosta.
L-urugan Matthew, li bħalissa qed ikejjel qawwa ta’ mija tmienja u ħamsin kilometru fis-siegħa, jista’ jżid fl-intensità tiegħu meta joqrob lejn Florida.
S’issa l-agħar ħsarat kienu rrapurtati fil-Ħaiti, fejn tlieta u għoxrin persuna tilfu ħajjithom, b’eluf oħra ikollhom iħallu djarhom minħabba l-għargħar li ħakmu l-pajjiż.
Filmati u ritratti mill-ajru juru d-diżastru li ħalla warajh dan l-urugan, b’belt minnhom tinqered għal kollox, filwaqt li uffiċjali stqarru li r-rata ta’ mwiet tista’ tkompli tikber fil-ħin li ġej.
Dan l-urugan qed jitqies bħala l-iktar wieħed b’saħħtu matul dawn l-aħħar għaxar snin.