Eluf ta’ ċittadini Sudaniżi u ta’ nazzjonalitajiet oħra qed jippruvaw jitilqu mis-Sudan waqt waqfien mill-ġlied qasir li ma jidhirx li se jdum wisq.
Fost dawn l-eluf ta’ persuni hemm ċittadini Brittaniċi, li qed jippruvaw jaslu f’ajruport f’Khartoum u jtiru lejn Ċipru, imbagħad lejn ir-Renju Unit.
Fl-aħħar ħin, madwar mitejn u erbgħin ċittadin mir-Renju Unit, telqu abbord tliet titjiriet ta’ evakwazzjoni mis-Sudan.
Madwar elfejn oħra minn 50 pajjiż differenti, qasmu l-Baħar l-Aħmar lejn il-port ta’ Jeddah fuq bastiment organizzat mill-Arabja Sawdija; filwaqt li għexieren ta’ eluf ta’ Sudaniżi qed jippruvaw jaqsmu lejn iċ-Chad, l-Eġittu u l-Etjopja.
Dawk li jinsabu maqbuda f’Khartoum sabu xelter f’xi djar, iżda kulma jmur qed jonqsu l-provvisti.
Il-kunflitt bejn l-armata tal-pajjiż u grupp para-militari b’saħħtu, wassal għall-mewt ta’ mijiet ta’ persuni minn meta beda fil-ħmistax t’April.